Opinjoni

OPINJONI: Il-PN b’impenn sod favur il-prinċipji tal-paċi

(EPA)
F’dawn il-jiem iltaqgħet l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa fejn saru numru ta’ diskorsi importanti b’rabta mal-agressjoni fuq l-Ukrajna

Beppe Fenech Adami
Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin

Bħala membru tad-delegazzjoni ta’ Malta, u rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill tal-Ewropa nerġa’ nikkonferma l-impenn sod tal-Partit Nazzjonalista lejn il-prinċipji tal-paċi, tad-dritt internazzjonali, u tad-dinjità umana… prinċipji li bħalissa jinsabu taħt theddida serja minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni li nediet il-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.
Malta, bħala nazzjon żgħir u gżira bi tradizzjoni kbira ta’ newtralità u diplomazija, tissapportja bla tlaqliq is-sovranità, l-indipendenza, u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
L-atroċitajiet li qed iseħħu fl-Ukrajna, fejn in-nies ċivili qed ikunu l-mira ta’ attakki, id-deportazzjoni sfurzata tat-tfal, u l-użu sistematiku tat-tortura, jiksru mhux biss id-drittijiet tal-Ukrajna, imma wkoll tal-prinċipji ewlenin tas-sistema internazzjonali bażata fuq ir-regoli.
Il-Partit Nazzjonalista ta’ Malta, baqa’ konsistenti fil-kundanna tiegħu tal-gwerra illegali u mhux ġustifikata tar-Russja. Ilna nsejħu b’mod ċar għal responsabbiltà u ġustizzja permezz ta’ mekkaniżmi internazzjonali, inkluż l-istabbiliment ta’ Tribunal Speċjali għall-Kriminalità ta’ Aggressjoni, it-tisħiħ tal-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, u l-infurzar tas-sanzjonijiet fejn meħtieġ.
Aħna nemmnu li l-paċi m’għandhiex tinbena fuq kompromess mal-impunità, iżda fuq il-ġustizzja u l-applikazzjoni soda tad-dritt internazzjonali.

Appoġġ favur
Ir-rwol ta’ Malta jieħu importanza speċjali matul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa. Taħt din il-Presidenza, Malta tat prijorità lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-saltna tad-dritt, u r-reżiljenza demokratika.
Għaldaqstant, f’isem il-Partit Nazzjonalista, nerġa’ nesprimi l-appoġġ tagħna għal kull inizjattiva li ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà u tiżgura li l-vuċijiet tal-vittmi, b’mod partikolari tfal li ttieħdu illegalment minn djarhom, ma jkunux imsikkta.
Nappoġġjaw ir-Reġistru tal-Ħsarat għall-Ukrajna u nenfasizzaw il-ħtieġa kritika għal kumpens, għar-ritorn taċ-ċivili maħtufa, u għall-prosekuzzjoni tal-krimini tal-gwerra.
Ħalli l-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa tgħid b’mod ċar u bla ambigwità li l-annessjoni illegali tat-territorju Ukren mir-Russja u l-kummissjoni ta’ delitti kontra l-umanità ma jistgħux u m’għandhomx jiġu leġittimizzati.
Il-gwerra fl-Ukrajna mhix biss kriżi reġjonali, hi prova morali u legali għalina lkoll, għal kull stat Ewropew, u għall-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Kunsill tal-Ewropa għandu jmexxi biex jiżgura li l-ġustizzja tirbaħ, li l-vittmi jinstemgħu, u li l-paċi tinkiseb b’dinjità, legalità, u konvinzjoni morali.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 6 ta’ Lulju, 2025.