Lokali Qorti

“Sib oħra”… Maġistrat tagħti parir lil raġel li ammetta li hedded lill-eks sieħba tiegħu

“Sib oħra” kien il-kliem tal-Maġistrat Yana Micallef Strafrace fil-konfront ta’ raġel li ammetta li hedded lill-eks sieħba tiegħu diversi drabi anke permezz tal-mezzi ta’ kommunikazzjoni. Il-koppja ma baqgħux flimkien sa minn Mejju li għadda.

Hawn ir-raġel ta’ 35 sena minn Ħaż-Żebbuġ, jidher li ma aċċettax is-sitwazzjoni u bagħtilha email diżpreġġattiv u beda jiffittaha u jheddidha diversi drabi, hekk kif ukoll huwa beda jagħti bis-sieq fuq il-karozza tagħha.

L-Ispettur Sherona Buhagiar xlietu li wettaq dan ir-reat fis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ħadd filgħodu. Hija xlietu wkoll fuq theddid, fastidju u li kkaġuna biża’ fost il-mara li kienet se tintuża vjolenza kontriha u li inġurjaha.

Wara li l-prosekuzzjoni u d-difiża avviċinaw il-bank tal-Maġistrat biex jitkellmu b’mod privat, il-Qorti wara li qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu, ikkundannat lir-raġel sena ħabs sospiża għal sentejn, multa ta’ €1,000 u li jrid iħallas €300 tal-ħsara li wettaq fil-karoza Toyota propjetà tal-vittma. Inħareġ ukoll ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin.

L-Avukat Charlton Falzon Cascun deher għall-akkużat.