Komplew jiżdiedu l-vittmi tal-għargħar diżastruż li, jiem ilu, laqat iċ-ċentru ta’ Texas. Dan meta l-mejtin, għalissa, huma rappurtati ‘viċin il-100’ u meta għad fadal bejn l-20 u 40 persuni nieqsa, inklużi tfal.
Hu kkonfermat, issa, li ‘l fuq minn 30 tifel u tifla mietu wara li tkaxkru mill-gliegel tal-ilma. Għargħar li għamel ħerba sħiħa mis-sit, f’Kerr County, fejn kien qed ikun organizzat summer camp għat-tfal.
Dan ukoll waqt li qed tkompli t-tfittxija ddisprata għat-tfal u għal xi counsellors preżenti fis-sit wara li dawn ma dehrux aktar fl-eqqel tal-emerġenza.
L-awtoritajiet ta’ Texas, sadanittant, ma eskludewx li l-ammont tal-vittmi jista’ jkun ogħla milli qed jistennew u fost it-tbassir ta’ aktar maltempati fl-agħar zoni milqutin mill-għargħar.
It-traġedja hi fost l-agħar li l-poplu ta’ Texas qatt ġarrab għal għexieren ta’ snin u meta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mistenni jżur l-inħawi tad-diżastru matul il-jiem li ġejjin.
Sadanittant, Trump iffirma mandat li jippermetti għal għajnuna addizzjonali ta’ emerġenza bħala l-proċedura għal dawn it-tipi ta’ diżastri. Dan jippermetti wkoll għall-assistenza federali mal-impenji ta’ search and rescue fuq livell lokali.
//= $special ?>