Kenneth Ellul, raġel ta’ 50 sena, li huwa ‘homeless’ intbagħat tliet snin ħabs wara li ammetta li wettaq żewġ serqiet armati li seħħew il-ġimgħa li għaddiet. Ellul kien akkużat li nhar il-Ħamis daħal f’ħanut tal-ħelu f’Raħal Ġdid u seraq ammont ta’ flus kontanti.
L-għada, hu daħal f’ħanut ieħor f’Ħal Tarxien, din id-darba armat b’ħadida, u seraq flus u karti ta’ top-up. Huwa ġie mixli wkoll b’serq aggravatt u li huwa riċediv. Il-Qorti infurmata li Ellul m’għandux saqaf fuq rasu u jaħdem għal rasu, u li mar hu stess għand il-Pulizija wara li sar jaf li kienu qed ifittxuh.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ikkundannatu għal tliet snin ħabs u ordnat ukoll li jingħata trattament kontra l-vizzju tad-droga. Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat mill-Ufiċċju tal-Avukat Ġenerali Giuliana Magro Conti, assistita mill-Ispetturi Stephen Gulia, Lydon Zammit u Karen Cassar.
L-Avukat Axl Camilleri deher għall-imputat bħala difiża permezz ta’ għajnuna legali.
//= $special ?>