Internazzjonali

Ursula von der Leyen tiddefendi r-rekord tagħha f’dawn il-jiem deċiżivi għall-futur tal-Kummissjoni Ewropea

Il-futur ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea – kariga li hi ilha tokkupa mill-2019 – għandu jibqa’ f’dubju sa nhar il-Ħamis u ladarba jsir vot dwar il-mozzjoni ta’ ċensura li qed titressaq kontra l-istess Kummissjoni.

Dan meta bħalissa għaddej dibattitu fil-Parlament Ewropew fejn von der Leyen qed tiddefendi r-rekord tagħha qabel l-MEPs jaslu f’punt fejn iridu jgħaddu l-verdett finali.

Il-vot, fil-fatt, irid isir tal-anqas 48 siegħa wara l-bidu tad-dibattitu. Madankollu, id-deputati kollha fil-Parlament Ewropew li ffirmaw il-mozzjoni għad għandhom iċ-ċans biex jirtiraw l-appoġġ tagħhom għall-istess mozzjoni. Dan meta l-proċess kollu jista’ jitwaqqaf f’każ li ma jintlaħaqx it-threshold ta’ 10 fil-mija fl-Assemblea.

Il-votazzjoni tibbaża fuq proċess fejn kull MEP irid jivvota fil-pubbliku. U biex tgħaddi l-mozzjoni ta’ sfiduċja, jeħtieġ li din ikollha l-appoġġ ta’ mill-anqas żewġ-terzi tad-deputati.

Fil-passat kien hemm disa’ tentattivi mill-MEPs biex il-Kummissjoni Ewropea ma tkomplix bil-funzjoni tagħha waqt ċirkustanzi differenti.

L-aktar tentattiv riċenti biex titwaqqa’ l-Kummissjoni imur lura għal Novembru tal-2014, fi żmien meta l-Kummissjoni kienet taħt it-tmexxija ta’ Jean-Claude Juncker.

Il-mozzjoni, dak iż-żmien, tressqet mill-‘Ewroxettiċi’ mal-grupp politiku bl-isem Europe of Freedom and Direct Democracy b’reazzjoni għal skandlu finanzjarju li kixfet l-allegati irregolaritajiet fis-sistema tat-taxxa tal-Lussemburgu.

U f’dan il-każ ma vvutawx biżżejjed MEPS biex jintlaħaq it-threshold stabbilit u meta l-vot, f’ċirkustanzi differenti, kien iwassal għax-xoljiment tal-Kummissjoni.

Kienet darba biss, fl-istorja, li mozzjoni ta’ ċensura rriżultat fir-riżenja tal-Kummissjoni Ewropea. Dan l-iżvilupp seħħ waqt sessjoni plenarja tal-Assemblea u mingħajr ma sar vot formali.

Il-każ imur lura għal Marzu tal-1999, meta l-Kummissjoni Ewropea, taħt il-Presidenza ta’ Jacques Santer, irriżenjat fost allegazzjonijiet dwar frodi u tħassib dwar il-kriterji tat-trasparenza.. Żvilupp li kien seħħ qabel il-vot formali tal-Parlament u minkejja li din il-Kummissjoni, fis-snin preċedenti, salvat minn tliet mozzjonijiet separati rigward issues differenti.