Lokali

“Għinuna sabiex inkunu nistgħu ngħinu lit-tfal” – Fr. Louis

“It-tfal li jiġu għandna, għandhom bagalji ta’ toqol – U xogħolna hu li nagħtuhom ħajja diċenti u normali.”

Saħaq dan Fr. Louis Mallia, id-Direttur ta’ Dar San Ġużepp li tilqa’ fi ħdanha subien bi problemi soċjali u li sfortunatament ma jistgħux jibqgħu, għal raġunijiet varji, jabitaw mal-familja tagħhom.

Fr. Louis spjega ma’ Net News li Dar San Ġużepp, minn dejjem kienet tilqa’ subien li ġejjin minn familji bi problemi – però maż-żminijiet, bis-saħħa wkoll tad-donazzjonijiet tan-nies, illum inbidlet f’dar naturali imlibbsa bil-komoditajiet kollha neċessarji; għal trobbija kif jixraq.

Fr. Louis Mallia qalilna li d-donazzjonijiet tan-nies huma essenzjali għall-Fondazzjoni u għall-istess Dar – tant li ta’ kull sena tittella’ l-maratona ġbir ta’ fodni b’risq din il-kawża soċjali.

Hu spjegalna l-pjan ta’ żvilupp ta’ appartamenti ġodda fi ħdan l-istess Dar San Ġużepp sabiex dawk iż-żgħażagħ li jkollom 18-il sena, jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’dan l-ambjent u mhux jispiċċaw għal riħhom. Dan apparti għajnuna li tingħata barra minn Malta f’pajjiżi varji – bħall-għajnuna fil-Peru.

Intant, id-Direttur ta’ Dar San Ġużepp qasam magħna wkoll stejjer ta’ tfal li jkunu qed iġorru ċerta toqol – bil-bidla fihom tkun mill-ewwel evidenti, li qegħdin f’ambjent san u denju għat-trobbija tagħhom.

F’Dar San Ġużepp, kollox jinsab lest għall-maratona ‘Oħloq Tbissima’ – maratona li se tiftaħ il-Ġimgħa, u li tibqa’ għaddejja sal-Ħadd.