Lokali Qorti

IL-QTIL DOPPJU F’TAS-SLIEMA: Għomor il-ħabs għal Muka u Dragomanski jeħel 40 sena ħabs

Ritratt: Martin Agius

L-Albaniż Daniel Muka (ritratt) ġie kundannat għal għomru l-ħabs u li jrid jinżamm għal sitt termini f’iżolament (solitary confinement) fuq sensiela ta’ akkużi gravi, fosthom il-qtil volontarju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, li ġew assassinati brutalment fid-dar tagħhom fi Triq Locker Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu tal-2020.

Skont il-liġi, l-kastig ta’ konfinament solitarju hu li dan, jinżamm magħluq kontinwament mingħajr ma jitħalla aċċess għal xi persuna oħra, li mhix impjegata fuq xogħol. Fil-każ ta’ Muka dan it-tul għandu jkun ta’ sitt termini. L-ebda terminu ta’ konfinament solitarju ma għandu jaqbeż l-għaxart ijiem kontinwi.

Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq ġie kundannat għal 40 sena ħabs anke jekk kien meħlus mill-akkuża ta’ qtil, iżda mhux fuq serq aggravat. Dragomanski kien ġie meħlus mill-akkuża ta’ kompliċità fil-qtil volontarju b’maġġoranza ta’ 6 voti kontra 3.

Madankollu, il-ġurija sabitu ħati ta’ serq aggravat bl-istess verdett jindika li serq wassal biex jinqatlu ż-żewġt irġiel. Huwa nstab ħati unanimament tal-użu illegali ta’ serq ta’ pjanċi tal-karozzi. Wara kważi ħames sigħat ta’ deliberazzjoni, nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju, il-ġurija sabet unanimament ħati lil Muka mhux biss fuq qtil iżda wkoll ikkundannat għal serq aggravat, pussess illegali ta’ arma tan-nar waqt reat, li kellu arma mingħajr liċenzja, konfoffa biex iwettaq reat, u ħsara volontarja.

Iż-żewġ akkużati kienu wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, f’każ ta’ qtil li xxokkja pajjiż. Il-qtil doppju ta’ Pandolfino, tabib u negozjant u kollettur tal-arti; u Maciejowski, ċittadin Britanniku u bejjiegħ tal-arti; kien deskritt mill-investigaturi bħala attakk deliberat u ppjanat, li ħasad lill-komunità Slimiża u lil Malta b’mod ġenerali.

Il-prosekuzzjoni sostniet li l-inċident kien riżultat ta’ attentat ta’ serq li mar ħażin. Jesper Kristiansen, ċittadin Daniż; kien ammetta flok għadda ġuri l-involviment tiegħu fil-każ u qiegħed jiskonta sentenza ta’ 40 sena wara ftehim bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża. Kristiansen kien ix-xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni u xehed li kien Muka li mexxa l-pjan u ġiegħlu jipparteċipa fis-serqa.

Il-ġuri kien presedut mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, dam 12-il ġurnata u fih instemgħu xhieda minn esperti forensiċi, investigaturi u Kristiansen stess. Il-ġurija ra wkoll sigħat ta’ filmati tas-CCTV li juru lill-aggressuri bil-maskra jidħlu u joħorġu mid-dar tal-vittmi.

Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Natasha Galea Sciberras qalet li fir-rigward tal-akkużat Daniel MUKA, il-Qorti ma tistax ma tikkunsidrax in-natura atroċi tad-delitti mwettqa mill-akkużat, il-mod bla ħniena li bih ipproċeda għall-eżekuzzjoni taż-żewġ vittmi, huma stess mhux armati, sparaw lejn Christian PANDOLFINO, mhux darba jew darbtejn, iżda ħames darbiet, immirati lejn partijiet vitali ta’ ġismu, bl-intenzjoni speċifika li joqtlu, u jikkawżalu mewta rapida.

Fir-rigward tat-tieni vittma, Ivor Piotr MACIEJOWSKI, l-akkużat sparalu darba f’moħħu, bil-għan speċifiku li joqtlu istantanjament, u fil-fatt jikkawżalu mewta istantanja. Il-Qorti tikkunsidra wkoll li Daniel MUKA wettaq ir-reat ta’ omiċidju volontarju b’mod premeditat, b’għarfien sħiħ li l-abitanti tar-residenza fil-mira
kienu jikkonsistu minn żewġ irġiel, u pproċeda lejn ir-residenza msemmija armat b’arma tan-nar, li uża fi ftit sekondi malli daħal fiha u ltaqa’ ma’ Christian PANDOLFINO.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll li wara l-qtil bla ħniena tiegħu taż-żewġ vittmi, huwa kompla bil-pjan tiegħu li jisraq id-deheb tal-vittma, inkluż parti mid-deheb li kienu lebsin il-vittmi, u qasam parti mill-priża mal-ko-awturi tiegħu. Daniel MUKA ma wera assolutament l-ebda rimors jew indiema għar-reati mwettqa.

Il-kooperazzjoni tiegħu mal-Pulizija fl-istadju tal-investigazzjoni kienet biss parzjali, maħsuba biss
biex jipprovdi lilu nnifsu b’vantaġġ fuq il-ko-akkużat tiegħu, f’termini tal-kastig eventwali li kellu jingħatalu.

Fil-fatt, matul id-dikjarazzjonijiet tiegħu lill-Pulizija, Daniel MUKA mhux biss ipprova jeħles minn kull involviment fir-reati inkwistjoni, iżda aktar tard meta ġie kkonfrontat b’evidenza inkonfutabbli, ipprovda lill-Uffiċjal Investigatur, l-Eks Supretendent James Grech, b’verżjoni mhux vera tal-avvenimenti li żvolġew dak illejl, fejn indika lejn Viktor DRAGOMANSKI bħala l-prinċipal li spara liż-żewġ vittmi.

Barra minn hekk, il-Qorti tinnota li l-ispejjeż imġarrba b’konnessjoni mal-ħatra tal-espert Joseph Mallia u r-rapport imfassal mill-imsemmi espert fir-rigward ta’ Daniel MUKA ma jirriżultawx mir-rekords tal-proċedimenti kontra MUKA.

Għalhekk, il-Qorti ordnat lir-Reġistratur tal-Qrati Kriminali u t-Tribunali biex jiddetermina s-somma tal-imsemmija spejjeż, li għandhom jitħallsu minn Daniel MUKA (flimkien mas-somma ta’ €24,247.55). Jekk Daniel MUKA jonqos milli jħallas l-imsemmija spejjeż fi żmien tliet snin mid-data ta’ din is-sentenza, l-imsemmija spejjeż għandhom jiġu konvertiti f’terminu ta’ ħabs skont il-liġi.

Hija l-fehma tal-Qorti li r-reati mwettqa minn Daniel MUKA għandhom jiġu kkastigati sal-punt sħiħ impost mil-liġi, u fil-fatt, fid-dawl tal-vot unanimu milħuq mill-ġurija fuq l-akkużi kollha fl-Att ta’ Akkuża miġjubin kontrih, huwa obbligat li jingħata l-piena ta’ għomor il-ħabs, skont l-Artikolu 492(2) tal-Kodiċi Kriminali.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Dragomanski dehru l-Avukati José Herrera u Alex Scerri Herrera. Għal Muka dehret l-Avukat tal-għajnuna legali Josette Sultana, filwaqt li l-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio dehru għall-familji tal-vittmi.