Wasal is-sajf, bdiet is-sħana, u l-poplu Malti jidher li se jkollu jerġa’ jirrikorri għall-qari tal-kotba għad-dawl tax-xemgħa hekk kif fl-aħħar ġimgħat u ġranet, f’diversi lokalitajiet kien rappurtat qtugħ tal-provvista tad-dawl. B’diversi persuni jispiċċaw bla dawl għal sigħat twal, inkluż matul il-lejl.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn stqarrijja maħruġa mil-Partit Nazzjonalista indirizzata mix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ryan Callus.
Fost l-inħawi milquta fl-aħħar sigħat kien hemm postijiet bħal Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Marsaskala, iż-Żejtun, Ħal Qormi, Birkirkara, Ħal Balzan, in-Naxxar u Ħal Għargħur.
Uħud minn dawn il-lokalitajiet kienu bla dawl għal numru ta’ sigħat għat-tieni ġimgħa konsekuttiva hekk kif il-ġimgħa l-oħra persuni li jgħixu fin-Naxxar, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, San Ġwann u Ta’ Sannat f’Għawdex ukoll spiċċaw bla dawl.
Issa ilna sentejn niġu mwiegħda servizz stabbli tal-enerġija għax-xhur tas-sajf, imma jidher li s-sitwazzjoni se terġa’ tirrepeti ruħha matul dan is-sajf ukoll. U dan minkejja li l-Gvern u l-Ministru Miriam Dalli qalulna li suppost li nstabet soluzzjoni.
Wara s-suppost soluzzjoni b’powerstation temporanja taħdem bil-generators u d-diesel, kif ukoll il-generators mikrija u nstallati barra l-bibien u taħt il-kmamar tas-sodda tan-nies, suppost dan is-sajf ma kellux ikollna aktar qtugħ bil-provvista tal-elettriku.
Qtugħ li f’dan iż-żmien tas-sena – hekk kif is-sħana issa bdiet iżżid sew – ikollu effett negattiv fuq kulħadd, imma l-aktar li jbatu jkunu l-anzjani u l-persuni vulnerabbli kif ukoll dawk li jiddependu fuq id-dawl għal xi tip ta’ servizz mediku. Ibatu wkoll is-sidien tal-ħwienet, speċjalment dawk li wkoll jiddependu fuq l-elettriku għan-negozju tagħhom.
Dan kollu huwa xhieda ta’ gvern li ma jippjanax, gvern li ma jaħsibx bis-serjetà fit-titjib tal-infrastruttura biex din tkun tista’ tlaħħaq mal-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tkompli tikber bla kontroll, u li kaġun tad-deċiżjonijiet ħżiena tal-gvern qed tikkrolla. B’mod speċjali – f’dan il-każ – l-infrastruttura tal-enerġija hekk kif jibda s-sajf.
L-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet ħżiena, imbagħad, iħossuh il-familji Maltin u Għawdxin fil-kwalità tal-ħajja.
Pajjiżna u l-poplu Malti jixirqilhom aħjar minn Gvern li jinsab f’kaos, li ġabna pajjiż tal-generators.
//= $special ?>