Futbol Sport

‘Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li se nilagħbu f’kompetizzjoni tant prestiġjuża’ – Giacomo Modica, kowċ ta’ Ħamrun Spartnas

(Ritratt: Joseph Galea)

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Litwanja rigward il-partita bejn Zalgiris Vilinius u Ħamrun Spartans mill-ewwel rawnd tal-kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, il-kowċ il-ġdid ta’ Ħamrun Spartans tkellem fuq il-prestiġju kbir li għanda l-kompetizzjoni tal-UEFA Champions League, u kif inhu ta’ unur kbir li l-Ispartans se jkollom l-opportunità li jilagħbu fiha u possibilment javvanzaw fiha.

Din se tkun l-ewwel partita uffiċjali tal-eks kowċ ta’ Messina ma’ Ħamrun Spartans, hekk kif hu inħatar uffiċjalment fil-kariga fl-1 ta’ Ġunju.  Modica kien wieħed mill-iktar kowċis viċin tal-kowċ leġġendarju Zdenek Zeman, u ħadem ħafna miegħu.

Ritratt: Joseph Galea

Zalgiris Vilinius temmew fl-ewwel post fl-istaġun li għadda biex ikkwalifikaw għal din il-fażi. Vantaġġ li għandu t-tim mil-Litwanja huwa li bħalissa għadejjin bl-istaġun normali tagħhom, hekk kif il-A Lyga tibda fi Frar u tintemm f’Novembru, minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp. Dan ifisser li Zalgiris bħalissa għadhom kif lagħbu d-19-il partita tagħhom fil-kampjonat, u forsi jinsabu iżjed fil-forma mill-Ħamruniżi, li l-aħħar partita uffiċjali tagħhom kienet it-telfa kontra Hibernians fis-semi finali tal-FA Trophy fl-14 ta’ Mejju.

Ħamrun Spartans jinsabu attivi fis-suq tat-trasferimenti b’bosta akkwisti, bit-tamà li javvanzaw fil-fażi tal-kwalifikazzjoni u jkollhom introjtu finanzjarju aħjar. Fost il-plejers ġodda li l-Ispartans akkwistaw fl-aħħar ġimgħat hemm Vincenco Polito, difensur esperjenzat fil-futbol Taljan fejn saħansitra lagħab anke ma’ SPAL u Lecco. Huma xtraw ukoll lil Merlin Hadzi, midfielder avvanzat mill-Iżvizzera, kif ukooll lil Saliou Thioune, li ukll kellu esperjenzi diversi fl-Italja u fl-Iżvizzera. Akkwisti oħra jinkludu lil Gabriel Adragna, Moual El Fanis, N’Dri Koffi, Jonny Robert, Matias Garcia, Domantas Simkus, Rafael Compri u Lougah Junior Djile.

Preżenti għall-konferenza ukoll kien hemm il-captain ta’ Ħamrun Spartans, Henry Bonello, kif ukoll l-akkwist il-ġdid Domantas Smikus, li huwa propju mil-Litwanja.

Il-goalkeeper u captain ta’ Ħamrun Spartans Henry Bonello (Ritratt: Joseph Galea)

L-akkwist il-ġdid, il-plejer mil-Litwanja, Domantas Smikus (Ritratt: Joseph Galea)