Kull ma trid biex tiġbed film f’Malta hu li torqod ma’ Johann Grech – jien għamiltha, u nirrakkomandah.
Dan kien kumment li għamel il-preżentatur u attur Brittaniku David Walliams li issa sar sinonimu mal-attivitajiet li jorganizza annwalment il-Kummissarju għall-Films Johann Grech – b’Walliams jitħallas il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Il-kumment ta’ David Walliams ma niżel tajjeb xejn mal-poplu Malti u Għawdxi. U bosta kienu dawk illi qalu li ma fiha xejn x’iċċapċap u tiddieħaq b’sitwazzjoni relattivament suspettuża immens hekk kif saħansitra l-Awditur Ġenerali kien staqsa fejn qiegħdin imorru l-flejjes kollha li qed jintefqu mill-Kummissjoni. Tant li Grech innifsu ma kienx kapaċi jispjega bi preċiż il-miljuni ta’ ewro li jonfoq kull sena, u fejn qed jonfoqhom bi preċiż kollha kemm huma.
B’rabta ma’ dan il-kumment, Net News staqsa lill-Ministru responsabbli mill-Films, Owen Bonnici …illi iddeskriva tali kumment bħala battuta tajba u spirituża.
Battuta bħal din ċertament tititlob azzjoni – tal-inqas jekk verament hemmx favoritiżmi fil-konfront ta’ David Walliams. Dan hekk kif il-Brittaniku issa ilu għal dawn l-aħħar snin jingħata mijiet ta’ eluf ta’ ewro daqslikieku hu biss kapaċi jippreżenta serata.
Owen Bonnici saħaq li din iċ-ċajta ċertament ma taffettwax ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna waqt li Johann Grech jonfoq flus il-poplu mingħajr ebda kontroll – bl-uffiċjal għoli tal-Partit Laburista, Jason Micallef, saħansitra jikkritika b’mod qawwi t-tberbiq ta’ Grech.
Iżda Johann Grech bħal donnu għandu l-liberta kollha li jagħmel li jrid hekk kif malli tasal l-elezzjoni ġenerali jgħin fil-kampanji tal-Labour – b’sorsi qrib iċ-ċentru nazzjonali laburista jiddeskrivu x-xogħol tiegħu bħala wieħed essenzjali f’dawk iż-żminijiet.
Madanakollu jidher li l-attitudni tiegħu ma hija qed togħġob xejn lil faxxa ta’ Joseph Muscat li Micallef jappartjeni għaliha – tant li attakka n-nefqa ta’ Grech u lill-Ministru Bonnici.
Il-faxxa ta’ Muscat mhux l-ewwel darba li attakkat lil Bonnici fl-aħħar xhur, fost l-oħrajn permezz tal-eks uffiċjal f’Kastilja, issa self-made blogger Neville Gafa – wara li dan allega b’mod ċar u tond li Mark Camilleri jaf xi ħaġa taħraq fuq Bonnici tant, li l-Ministru spiċċa tah kuntratt biex ma jikxfux.
Mistoqsi jekk il-blogger Laburista hux jigdeb….Bonnici ma kienx kapaċi jnaddaf ismu u jgħid li dan qed jigdeb.
Għaldaqstant wieħed jasal għal konklużjoni awtomatika li Neville Gafa verament għandu xi ħaġa fuq Bonnici – xi ħaġa li biex ma toħroġ fil-pubbliku qed inħallsu għaliha aħna mit-taxxi tagħna.
//= $special ?>