Lokali

“Il-Labour l-ewwel jigdeb, imbagħad jaħbi l-verità” – PN

L-Awtorità tax-Xandir issib lis-Super One ħati li wara kampanja sħiħa ta’ gideb kontra Toni Bezzina, ma rrapportax il-konklużjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards li ma sab xejn fil-konfront tad-Deputat tal-PN

L-Awtorità tax-Xandir sabet lis-Super One ħati li wara kampanja sħiħa ta’ tfigħ ta’ tajn, attakki u allegazzjonijiet mil-Labour kontra x-Shadow Minister u Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, ma xandarx l-aħbar li l-Kummissarju għall-Istandards ma sab xejn fil-konfront tiegħu u li dak kollu li ntqal mil-Labour kontrih ma kien xejn ħlief gideb, waqt li ordnat lill-istazzjon Laburista biex jirrapporta l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fi żmien jumejn mid-deċiżjoni li ngħatat illum.

Is-Super One u l-Partit Laburista mexxew kampanja sħiħa kontra Toni Bezzina fl-aħbarijiet b’allegazzjonijiet li ma kienx qed jimxi mar-regoli tal-kuntratt tal-impjieg tiegħu mal-gvern, bl-istazzjon Laburista diġà kien naqas li jirrapporta dritt għal risposta li kien intbagħat mid-Deputat Toni Bezzina f’Jannar li għadda.

Wara korrispondenza ffirmata mir-rappreżentant legali ta’ Toni Bezzina, l-Avukat Michael Piccinino, mibgħuta fis-7 ta’ Ġunju u oħra mibgħuta fil-11 ta’ Ġunju, is-Super One baqa’ għaddej bil-kampanja tiegħu mingħajr ma fl-ebda ħin xandar il-verżjoni ta’ Toni Bezzina. Dan wassal biex ix-Shadow Minister jilmenta uffiċjalment mal-Awtorità tax-Xandir li issa sabet lis-Super One ħati li ma infurmax lill-pubbliku bl-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

L-Awtorità tax-Xandir ordnat ukoll li fl-aħbarijiet tal-istazzjon Laburista, fi żmien jumejn mill-istess deċiżjoni jinqara wkoll sunt li jispjega kif il-Bord tal-Awtorità laqa’ l-ilment imressaq mid-Deputat Toni Bezzina. Is-sunt jgħid ukoll li l-ilment kien jirrigwarda nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-konklużjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards wara l-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Is-sunt ikompli li l-Bord ħa konjizzjoni li l-investigazzjoni kienet irrappurtata fuq is-Super One, ħa nota wkoll tal-fatt li l-konklużjonijiet ma ġewx rappurtati u qed jordna li jiġu rrappurtati mill-istazzjon Laburista sa mhux aktar tard minn jumejn mid-data tad-deċiżjoni.

Minbarra fuq Toni Bezzina, il-Labour u s-Super One kienu fetħu attakk simili fuq numru ta’ deputati Nazzjonalisti oħra li allegaw li ma kinux jidħlu għax-xogħol. Fl-ilmenti li tressqu mil-Labour u mill-fazzjoni faxxista fi ħdanu, u li l-Kummissarju għall-Istandards ħa deċiżjoni dwarhom, huwa xejjen l-allegazzjonijiet infondati li saru u qal li ma kien hemm l-ebda irregolaritajiet jew ksur ta’ etika. Fi wħud mill-każi lanqas biss investiga għax qal li ma kien hemm l-ebda bażi għall-akkużi u għalhekk iddeċieda li ma jkomplix jinvestiga l-ilmenti.