Lokali Parlament

Il-Ministeru ta’ Miriam Dalli nefaq kważi mitt elf ewro fl-Expo Village tas-Servizz Pubbliku

L-istand tal-Ministeru għall-Ambjent l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, immexxi mill-Ministru Miriam Dalli, fl-Expo Village tas-Servizz Pubbliku din is-sena ġie jiswa waħdu kważi mitt elf ewro għal total ta’ €97,158.

Dan kien konfermat mill-Ministru Dalli fil-Parlament għal interpellanza tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Id-dipartimenti u l-entitatjiet li pparteċipaw fl-attivitajiet li offriet l-istand tal-Ministeru kienu Project Green, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Wasteserv, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Enemalta, il-kumpanija International Energy Services Centre, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enerġija u l-kumpanija ARMS. L-attendenza fl-Expo Village tas-Servizz Pubbliku din is-sena kiemt ta’ 76,264 persuna.

Matul il-jiem tal-Expo, dawn l-entitajiet għamlu dimostrazzjonijiet live, offrew attivitajiet edukattivi mogħtija minn esperti fl-oqsma rispettivi, provdew servizz ta’ customer relations, bħal fil-każ tal-kumpanija ARMS, u ppromovew ħidmiet oħrajn relatati mas-separazzjoni tal-iskart, il-konservazzjoni tal-ilma, l-enerġija rinovabbli u l-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja.

Attrazzjonijiet oħrajn kienu jinkludu green wall, pop-up park, serra ċkejkna u l-Water Buggy tal-WSC. Tnediet ukoll websajt ġdida għall-ġonna botaniċi.

Din l-istand, li kienet waħda interattiva, ġiet iddisinjata biex tattira udjenza diversa, b’enfasi partikolari fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Fiha kien hemm firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u preżentazzjonijiet, kollha intiżi jippromwovu s-servizzi li qed toffri, u l-inizjattivi li qed tieħu, l-Amministrazzjoni Pubblika b’risq is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-għarfien ambjentali.

Fl-istand tal-Ministeru kien hemm esperjenzi ta’ realtà virtwali bħal dawk ta’ Saving Our Blue u l-isfida EcoWarriors VR, wirjiet interattivi, roti li jiġġeneraw l-enerġija, mudelli 3D ta’ proġetti, u varjetà ta’ logħob u dimostrazzjonijiet oħra. Fuq kollox l-istand iffaċilitat il-kuntatt dirett mal-pubbliku u żiedet l-għarfien fuq l-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru.