Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu nieda n-nomina uffiċjali ta’ Donald Trump għall-Premju Nobel tal-Paċi waqt laqgha fil-White House aktar kmieni dalgħodu.
Skont Netanyahu, il-President Amerikan għandu rwol importanti f’ftehimiet ta’ paċi f’reġjuni li ilhom żmien twil f’kunflitt.
Trump ħa l-mertu għal waqfien ta’ ġlied bejn l-Iżrael u l-Iran li dam 12-il jum, kif ukoll għal pressjoni fuq l-Iran biex jerġa’ jidħol f’taħditiet mal-Istati Uniti.
Il-Premju Nobel jingħata lil min jgħin biex tinbena paċi bejn il-pajjiżi, jitnaqqsu l-kunflitti u jissaħħu r-relazzjonijiet internazzjonali.
Intant, l-awtoritajiet Iranjani għadhom ma kkonfermawx jekk humiex se jipparteċipaw fit-taħditiet.
Netanyahu qed iżur il-White House għat-tielet darba mindu Donald Trump assuma l-Presidenza tal-Istati Uniti, kważi sitt xhur ilu.
Madankollu, il-laqgħa bejn iż-żewġ Mexxejja hi l-ewwel mindu l-Istati Uniti ssieħbet ma’ Iżrael fl-attakki, fuq is-siti nukleari tal-Iran – bil-President Amerikan, wara, jisponsorja waqfien mill-ġlied bejn l-Iżraeljani u r-reġim Iżlamiku f’Tehran.
//= $special ?>