Sport

Jirbaħ il-kampjonati tal-Aquathlon għar-raba’ darba fil-karriera

Il–klabb ta’ St. Patrick’s organizza l-Kampjonati Nazzjonali Aquathlon f’Wied il-Għajn, u kien reġistrat suċċess għal Keith Galea li rebaħ il-Kampjonati għar-raba’ darba fil-karriera. Kompetizzjoni li  kienet tikkonsisti f’għawma fuq distanza ta’ kilometru u wara ġirja fuq distanza ta’ ħames kilometri.

It tellieqa mill-ewwel dehret li se tkun missielta hekk kif kien hemm ftit sekondi bejn l ewwel żewġ atleti. Keith Galea ta’ Team Barry / Bike it up kien l-ewwel li ħareġ mill-ilma fejn għamel il-kilometru fi 15-il minuta u 29 sekonda. Seba’ sekondi warajh temm Ben Psaila ta’ Pembrok Atleta.

Ben Psaila ma setax iżomm mal-pass qawwi ta’ Galea fil-ġirja. Keith Galea fetaħ vantaġġ mill-ftuħ tal-ġirja u kabbar id-distakk biex għar-raba’ darba fil-karriera rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali Aquathon fi 33 minuta u 23 sekonda. Ben Psaila temm fit-tieni post f’34 minuta u 31 sekonda filwaqt li Stephen Cassar daħal fit-tielet post f’41 minuta u sekonda.

Fi tmiem il-Kampjonat Aquathon, Keith Galea kkummenta li huwa ta’ sodisfazzjon li rebaħ il-Kampjonat għar-raba’ darba fil-karriera l-aktar għax kien ġej minn perijodu fejn ma kienx f’siktu fejn fil-ġimgħa tat-tellieqa kellu support mill-fisjoterapista tiegħu  Duncan Abdilla.

Ir-riżultat finali iżda kkonferma li  kien qed jirkupra. Dwar il-kompetizzjoni Galea kkummenta li ma setax jiftaħ vantaġġ u ddecieda li jżomm pass kostanti biex ħalla l-enerġija għall-ġirja.