Lokali Parlament

L-Ispeaker jappella biex jitlaqqa’ l-kumitat permanenti dwar is-Saħħa wara sena u tmien xhur; il-gvern jibdel iċ-Chairman

F’ruling mgħoti fis-seduta parlamentari tal-lum, l-Ispeaker Anġlu Farrugia appella liċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa biex ilaqqa’ dan il-kumitat li ilu ma jitlaqqa’ minn Ottubru 2023.

Sadattant propju llum ukoll il-gvern bidel iċ-Chairman ta’ dan il-kumitat u minflok is-Segretarju Parlamentari Malcolm Agius issa nħatret id-Deputat Laburista Romilda Zarb.

L-appell tal-Ispeaker biex jitlaqqa’ l-Kumitat tas-Saħħa sar f’ruling mitlub mid-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo fis-seduta tal-bieraħ.

Fir-ruling, l-Ispeaker qal li s-Sedja rat li l-aħħar darba li tlaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa kien fis-16 ta’ Ottubru 2023, għajr għal żewġ laqgħat b’mod konġunt mal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali fl-2024. Għalhekk is-Sedja kkonsidrat it-talba ta’ Ian Vassallo li qal li bħala deputati tal-Oppożizzjoni ġieli talbu biex jiltaqa’ l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa peress li “hemm ħafna affarijiet x’jiġu diskussi” u appellat lill-istess Chairman tal-Kumitat biex jagħmel l-almu tiegħu biex jintlaħaq qbil biex dan il-Kumitat jiltaqa’ u jiddiskuti s-suġġetti li jridu jiġu diskussi skont l-aġenda li tiġi mfassla.