Internazzjonali

Macron iżur ir-Renju Unit biex jerġa’ jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

Il-President Franċiż Emmanuel Macron beda żjara fir-Renju Unit bil-għan li jtejjeb ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi wara snin ta’ tensjoni kaġun ta’ Brexit.

Din hi l-ewwel żjara minn mexxej ta’ pajjiż fl-UE fir-Renju Unit sa mill-2020, u l-ewwel minn President Franċiż sa mill-2008 – sinjal ta’ rinnovament diplomatiku bejn Londra u Pariġi.

Macron se jiltaqa’ mal-Prim Ministru Keir Starmer, fejn huwa mistenni li jiddiskutu l-gwerra fl-Ukrajna, bir-Renju Unit u Franza jmexxu diskussjonijiet għal koalizzjoni ta’ 30 pajjiż favur waqfien mill-ġlied.

Minbarra hekk, huma wisq probabbli se jiddiskutu d-difiża Ewropea u l-immigrazzjoni illegali.

Dan hekk kif Starmer jinsab taħt pressjoni qawwija mingħand il-partit estremist Reform UK sabiex jieħu azzjoni kontra l-immigrazzoni illegali, bir-Renju Unit għal snin twal jinsisti ma’ Franza biex twaqqaf id-dgħajjes li jitilqu illegalment mill-kosta Franċiża.