Malta qed tippożizzjona lilha nfisha fuq quddiem fl-innovazzjoni fl-industrija tal-assigurazzjoni, u qed tieħu rwol ewlieni fil-mod ta’ kif is-settur iwieġeb għat-trasformazzjoni diġitali u r-riskji globali emerġenti bħat-theddid ċibernetiku u l-bidla fil-klima.
Dawn it-temi kienu fiċ-ċentru ta’ diskussjoni dwar l-Assigurazzjoni Innovattiva organizzata minn FinanceMalta, flimkien mad-Department of Insurance and Risk Management tal-Università ta’ Malta bil-parteċipazzjoni ta’ professjonisti, akkademiċi u studenti li qed isegwu korsijiet ta’ studju avvanzati fir-regolamentazzjoni tal-industrija tal-assigurazzjoni mill-Ewropa u lil hinn.
Fid-diskussjoni, ħadu sehem ukoll rappreżentanti minn awtoritajiet superviżorji internazzjonali, indikazzjoni ċara tar-rilevanza globali ta’ pajjiżna f’dan is-settur. L-avveniment kompla jsaħħaħ ir-rwol ta’ Malta bħala vuċi ewlenija fil-konverżazzjoni internazzjonali dwar il-futur tal-assigurazzjoni. Żewġ sessjonijiet iffukaw fuq l-iżviluppi teknoloġiċi li qed jittrasformaw l-operat u l-istrateġiji li qed jintużaw biex jitnaqqsu riskji ġodda, inkluż theddid ċibernetiku u bidliet fil-klima, u l-implikazzjonijiet regolatorji ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-assigurazzjoni.
Il-kelliema rrimarkaw ir-rwol pożittiv tal-AI, bil-ħila tagħha li tanalizza ammonti kbar ta’ data sets u li tevalwa l-materjal ta’ reklamar biex ikun żgurat li dan huwa korrett u l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa. Madankollu, huma enfasizzaw l-importanza li l-proċessi jibqgħu dejjem superviżjonati minn persuni, biex tinżamm il-kontabilità, standards etiċi u trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.
Element innovattiv importanti li ħareġ kien dak tal-assigurazzjoni ċibernetika, bil-kelliema jirrrimarkaw kif din it-tip ta’ kopertura saret importanti għan-negozji kollha, filwaqt li insistew li dan ma jistax jieħu post il-ġestjoni tar-riskji. Il-kelliema enfassizzaw li l-assigurazzjoni ċibernetika għandha tikkumplimenta u mhux tieħu post kontrolli interni effettivi, ippjanar għar-reżiljenza u strateġija usa’ dwar ir-riskji. Ir-rappeżentanti regolatorji nnutaw bidla kulturali pożittiva lejn kif il-kumpaniji jħarsu lejn ir-riskju u ħeġġewhom juru l-istess effiċjenza diġitali għall-investimenti fis-sigurtà elettronika.
Dan l-avveniment ifforma parti mill-kors Advanced Studies on Insurance Regulation: An International Course, promoss mid-Department of Insurance & Risk Management tal-Università ta’ Malta.
“Dan l-avveniment jirrifletti l-kollaborazzjoni bejn l-industrija, l-akkademja u r-regolaturi – u l-impenn biex niżviluppaw industrija tal-assigurazzjoni reżiljenti u li kapaċi tevolvi u tħares ‘il quddiem”, qalet Bernice Buttigieg, Chief Strategy Officer ta’ FinanceMalta.
“L-isfidi li għandna quddiemna – mill-AI għat-taqlib diġitali, għall-klima u r-riskji ċibernetiċi – huma globali. Minkejja li Malta pajjiż żgħir, qed naraw li jkollna rwol attiv fid-djalogu internazzjonali”, żiedet tgħid.
F’għeluq dan l-avveniment Prof Marano ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jilqgħu l-AI iżda enfasizza l-bżonn li wieħed jifhem sew ir-rwol, l-isfidi u l-opportunitajiet tagħha. Hu nnota kif il-kunċett ta’ AI qed jinbidel b’rata mgħaġġla – anke d-definizzjoni ta’ AI nbidlet fi ftit snin lejn sistemi aktar avvanzati u konjittivi. “Aħna rridu nżommu l-pass ma’ dawn il-bidliet u niżguraw li l-AI tintuża b’mod responsabbli, infurmat u effettiv.”
//= $special ?>