Il-Qorti tal-Maġistrati ma sabitx ħati lil Publius Said, raġel pensjonant minn San Pawl il-Baħar, li kien akkużat li tella’ filmati ta’ pornografija tat-tfal “estremi” fuq il-midja soċjali. Is-sentenza waslet wara li l-Qorti qieset li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ tagħha b’mod ċar u bla dubju raġonevoli.
Said, magħruf aħjar bħala Leo, kien ġie mixli fl-25 ta’ Frar 2023, b’akkużi ta’ pussess u trażmissjoni ta’ pornografia tat-tfal kif ukoll użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku għall-komunikazzjoni. Il-każ beda minn rapport minn National Center for Missing and Exploited Children (NCMEC) fl-Istati Uniti, li identifikat IP address li ntuża biex jitellgħu filmati pornografiċi li jinvolvu tfal.
L-IP kien attribwit lil Said, u wieħed mill-kontijiet ta’ Facebook li ntuża għall-uploads intqal li kien marbut mal-mobile number tiegħu. Il-prosekutur l-Ispettur Joseph Busuttil xehed li ra l-erba’ filmati inkwistjoni – li fihom jidher abbuż sesswali serju ta’ tfal – u li dawn ġew allegatament ittellgħu fuq Facebook.
Madankollu, l-espert tal-Qorti Martin Bajada, li analizza total ta’ 15-il apparat elettroniku, ma sab l-ebda prova konkreta li dawn il-filmati kienu qatt fuq dawn l-apparati. Bajada indika wkoll li xi apparati ma kinux jaħdmu tajjeb, u li għadd ta’ ritratti nġibdu mill-apparat b’softwer speċjalizzat, iżda l-filmati li semma’ NCMEC ma dehru mkien.
Fuq kollox, ma kien hemm l-ebda evidenza li Said kien fil-pussess tal-filmati, u l-kumpaniji teknoloġiċi bħalma huma Google, Yahoo u Meta ma taw l-ebda informazzjoni li tagħmel rabta ċara bejn l-imputat u l-kontenut inkwistjoni.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li kienet “perplessa” kif l-investigazzjoni ma kinitx iffukata biex tipprova l-pussess jew it-trażmissjoni tad-dejta pornografika attribwita lill-akkużat. Hija qalet li l-Qorti ġiet quddiem numru kbir ta’ apparati elettronici li ma offrew l-ebda evidenza rilevanti, u osservat ukoll li l-awtur tar-rapport ta’ NCMEC qatt ma xehed taħt ġurament dwar il-validità tal-istess rapport.
Il-Qorti enfasizzat li rapport mhux iċċertifikat jew ġuramentat ma jistax jintuża bħala prova, u dan żied mal-fatt li l-filmati msemmi fil-rapport ma kienux aċċessibbli.
Wara li qieset dawn il-fatti kollha, il-Qorti laħqet il-konklużjoni li ma ntlaħaqx il-livell ta’ prova meħtieġ mil-liġi kriminali biex Said jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Għaldaqstant, ħelsitu mill-akkużi kollha.
Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Dorianne Tabone, waqt li l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-akkużat.
//= $special ?>