Il-Qorti tal-Maġistrati ma sabitx ħatja lil Josef Bonnici ta’ 41 sena u Aosama Elnaib ta’ 28 sena li kkaġunaw feriti gravi lil raġel waqt ġlieda ġewwa u barra każin f’Birkirkara. Il-każ seħħ barra l-każin tal-banda Santa Elena, magħruf bħala “Tal-Bagri”, fejn il-vittma, Darren Sawyer, ġie aggredit u spiċċa b’ferita gravi f’rasu.
Skont il-provi ppreżentati fil-Qorti quddiem il-Maġistgrat Rachel Montebello, il-ġlieda seħħet fl-14 ta’ Awwissu ta’ tliet snin ilu u kienet tinkludi diversi persuni. Minkejja li Sawyer weġġa’ gravi, il-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda prova ċara u mingħajr dubju raġonevoli li tikkonferma min eżattament tah id-daqqiet li kkawżawlu l-feriti.
Il-vittma nnifsu ma setax jidentifika min attakkah, u diversi xhieda taw verżjonijiet kontradittorji. Għalkemm wieħed mix-xhieda semma lil Elnaib bħala persuna li sawwat lil Sawyer, il-Qorti osservat li l-istess xhud ma kienx ċert minn min fejn eżattament ġie l-attakk, fid-dawl tal-kaos li kien hemm fuq il-post.
L-uffiċjali tal-Pulizija li kienu fuq il-post għaż-żamma tal-buon ordni u kienu intervjenew biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni meta nqalgħet il-ġlieda fil-każin, ilkoll xehdu li kienu sabu kommossjoni kbira fil-każin, b’ħafna għajjat u storbju.
Ġie stabbilit li kien hemm ħafna rġiel qegħdin jiġġieldu u jargumentaw, u l-Pulizija bdew ikeċċu n-nies ‘il barra. Wara li rnexxielhom iżommu l-kalma, ġew infurmati li l-ġlieda reġgħet bdiet wara ftit tal-ħin, fit-triq wara l-każin, fi Triq is-Santwarju, fejn hemmhekk kienu sabu żewġ persuni, Darren Sawyer, li kien mimli bid-demm fuq ġismu kollu, u Aaron Vella li ma kienx imweġġa’.
Kien hemm ukoll in-nisa rispettivi tagħhom. Darren Sawyer kellu qasma kbira fuq il-qurriegħa fost feriti oħrajn. Darren Sawyer, il-vittma, xehed illi kien fit-toilet tal-każin flimkien ma’ Aaron Vella u kien hemm xi ħadd qed iħabbat fuq il-bieb iżda l-persuna ma jafhiex u eskluda li kellu xi argument ma’ din l-istess persuna.
Xehed li huwa qala’ d-daqqiet kif ħareġ ‘il barra mill-każin għaliex meta kien għadu ġewwa ma qala’ daqqiet mingħand ħadd. Ippreċiża li huwa qatt ma ried ikun jaf min huma l-persuni li tawh id-daqqiet u li
weġġgħuh, għaliex għandu l-familja u t-tfal u ma riedx inkwiet u l-istorja kienet waqfet hemmhekk.
L-imputat Aosama Elnaib, qal illi huwa kien fl-istabbiliment ‘Tal-Bagri’ fid-data u l-ħin tal-ġlieda u ma jiċħadx illi kien involut f’xi xejra ta’ argument u li sofra xi feriti ħfief. Meta ġie mistoqsi ir-raġuni l-għala ħa l-liġi b’idejh qal:
“Le jien mort inkellem lil Aaron biex nirranġaw l-affarijiet talli l-ieħor kien imbuttani u Aaron ħa l-liġi b’idejh u imbuttani u tani daqqa ta’ ponn u mbagħad ġie l-ieħor u daruni t-tnejn li huma.” Ir-referenza għat-“tnejn li huma” hija evidentement għal Aaron Vella u Darren Sawyer għaliex sussegwentement, dejjem fl-istess stqarrija, l-imputat Aosama Elnaib afferma illi kienu biss hu, Darren u Aaron li kienu ġġieldu u ma kien hemm ħadd iktar involut fl-argoment, anke meta l-ġlieda tkompliet fuq barra
tal-istabbiliment.
L-imputat Josef Bonnici, qal li waqt li kien għaddej wara l-każin qalulu li xi persuni kienu qed jiġġieldu ma’ ħuh u għalhekk mar wara l-każin fejn sab lil ħuh Aosama u ħafna nies imferxin “balla nies jagħtu u jiġġieldu”.
Hu daħal minn bejn in-nies u beda jiġbed lil ħuh biex jitilqu fejn f’daqqa u l-ħin, jara li Aaron u lil Darren ħerġin mill-isqaq jiġru u Darren waqa’ fuq it-taraġ. Peress li kien jidher li qed ikun hemm linkwiet, qal lil ħuh biex jimxu ‘l fuq iżda dak il-ħin ġiet persuna twila minn warajh, ixxejjer idejha lil ħuh u hu beda jxejjer idejh b’lura iżda rnexxielu jdaħħal lil Aosama fil-karozza, telqu minn fuq il-post u marru fid-dar ta’ ommhom.
Fuq il-post dak il-ħin kien hemm ukoll ħutu l-oħra, Omar u Acram. Stqarr li ma kienx ra demm fuq wiċċ
Darren għaliex ma laħaqx rah għal ħafna ħin, u ma kienx jaf li l-ġlieda kienet daqshekk kbira. Lanqas jaf jekk ħuh kellux xi demm ma’ ħwejġu jew ma’ idejh. Hu kien ipprova jikkalma s-sitwazzjoni.
Il-Qorti qalet li bla ebda tlaqliq, fir-rigward tal-imputat Josef Bonnici, il-Prosekuzzjoni ma ressqet ebda prova li huwa kien jew seta’ kien il-persuna li kkaġuna l-offiżi fuq il-persuna ta’ Darren Sawyer. Għalkemm Josef Bonnici stqarr huwa stess li kien fuq il-post u kien hu li pprova jiġbed lil ħuh il-ko-imputat minn fuq il-post biex itellgħu id-dar, ħadd mix-xhieda tal-Prosekuzzjoni ma identifikah bħala persuna li kien preżenti fuq il-post, wisq inqas bħala xi ħadd li kien involut fil-ġlieda jew aggredixxa lil Darren Sawyer.
Fir-rigward tal-involviment tal-ko-imputat, Aosama Elnaib, kif rajna diġa’, huwa stabbilit mill-provi li kien involut f’argument ma’ Aaron Vella u Darren Sawyer. Aaron Vella xehed illi identifika lil Aosama Elnaib bħala l-persuna li magħha bdiet ilġlieda u bħala waħda mill-persuni li beda jagħti d-daqqiet lil Darren b’idu.
Madankollu, il-Qorti tqis li ma tistax tagħti piż lix-xhieda ta’ Aaron Vella, wisq inqas safejn din tikkonċerna lill-imputati. Mill-atti proċesswali jirriżulta li dan ix-xhud kien qed jitqies mill-Pulizija bħala persuna suspettata li kkommetta reat kriminali b’rabta mal-fatti tal-inċidenti li dwaru ġew mixlijin iż-żewġ imputati
odjerni, tant illi l-Prosekuzzjoni kkonfermat li kien sejjer jiġi mixli fi proċeduri kriminali separati dwar dan l-istess każ li seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2022.
Huwa minnu li fiż-żmien meta xehed ix-xhud kien għadu ma ġiex effettivament mixli u kellu għalhekk fiċ-ċirkostanzi jitqies bħala persuna suspettata u mhux ko-akkużat, iżda dan ma jnaqqas xejn mill-prinċipju fondamentali tal-proċedura kriminali illi dak li jgħid l-akkużat fil-konfront ta’ ko-akkużat ieħor, ma jistax jitqies bi preġudizzju jew favur il-persuna l-oħra li wkoll tinsab akkuzata bl-istess reat.
L-imputat Elanaib instab ħati ta’ ksur tal-paċi pubblika, hekk kif kien ġie ppruvat li ħa sehem f’ġlieda pubblika li qajmet storbju u tħassib fost in-nies preżenti. Huwa ġie kundannat amenda ta’ 58 ewro. Għall-imputati dehru l-Avukati Edward Gatt u Shawn Zammit. Il-prosekizzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritianne Gauci.
//= $special ?>