Raġel ta’ 70 sena għal darb’oħra tressaq il-Qorti mixli li kiser probizzjoni tal-Qorti biex ma jagħtix fastidju lill-ġirien tiegħu billi heddidhom u inġurjahom bi kliemu. George Muscat residenti Ħal Qormi, wieġeb mhux ħati li wettaq dan ir-reat fil-5 ta’ Lulju li għadda u fil-jiem u ġimgħat ta’ qabel.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-imputat ġie arrestat nhar is-Sibt li għadda wara rapport li sar mill-ġirien tiegħu u li huwa kkopera mal-Pulizija. Muscat kellu jingħata l-‘police bail’ għax ħassu ma jiflaħx u ttieħed l-isptar il-Ħadd u ġie rilaxxat fit-3pm.
Kien it-Tnejn filgħodu li huwa ntalab imur l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi kif fil-fatt għamel. Muscat li ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, mar min jeddu l-Għassa ftit qabel id-9am. Il-prosekuzzjoni esebit ukoll fil-Qorti filmati tas-CCTV biex issaħħaħ il-każ tagħha,
L-Avukat tal-akkużat Matthew Xuereb ikkontesta l-validità tal-arrest minħabba li m’għaddewx it-48 siegħa meta reġa’ ġie arrestat. Il-Maġistrat Rachel Montebello ma qabltix ma’ din it-teżi u kkonvalidat l-arrest li kien wieħed validu.
Meta saret talba għall-pleġġ il-prosekuzzjoni opponiet u qalet li l-imputat kiser ordni ta’ trażżin u li huwa ġar tal-allegati vittmi. L-Avukat Matthew Xuereb qal li l-kuġin ta’ Muscat lest li jżommu miegħu fil-lokalità tal-Ħal Għaxaq. Qal li l-akkużat għandu wkoll lil ibnu li lest ukoll imur jgħix Ħal Għaxaq.
Il-Qorti staqsiet lill-Avukat Xuereb jekk il-kuġin ta’ Muscat hux qiegħed il-Qorti biex jinfurmaha jekk dan hux lest li jżommu lilu u lil ibnu. L-Avukat Xuereb qal li kuġinuh kien daħal bħala garanti għal Muscat meta kien tressaq l-ewwel darba fuq il-każ, u li Muscat jagħmel xi xogħol ma’ kuġinuh.
Il-prosekuzzjoni xorta ma qablitx li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti iżda tilqa’ t-talba tad-difiża u tordna lil Muscat li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun, kull nhar ta’ Tlieta u s-Sibt, li jiddepożita s-somma ta’ €600 u taħt garanzija personali ta’ €2,000.
Il-Qorti wissiet lil Muscat li jekk jikser ordni minnhom jista’ jiġi kundannat għal sentejn ħabs u multa ta’ €7,000. Huwa ġie mwissi wkoll biex bl-ebda mod ma jkellem lill-allegati ġirien vittmi u li jattendi għal kull seduta tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia.
//= $special ?>