Opinjoni

OPINJONI: Lejn l-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej bil-preparazzjonijiet biex jeleġġi Kap ġdid
Hawn ta’ min jgħidilhom Prosit u Grazzi mill-qalb lit-tnejn, għall-ġenerożità u d-disponibbiltà tagħhom li jgħidu IVA għas-sejħa tal-partit u ngħid jien anki ta’ Malta

Euchar Mizzi

Il-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej bil-preparazzjonijiet biex jeleġġi Kap ġdid u dan permezz ta’ makkinarju provdut apposta mill-istatut tal-partit, li jagħti stampa dettaljata u ċara dwar dak kollu li għandu jsir biex jintlaħaq dan il-għan li huwa ta’ importanza massima għall-kwalunkwe partit politiku.

Il-kandidati għal din il-kariga

Wara li għalaq iż-żmien li fih dawk interessati setgħu jitfgħu ittra ta’ espressjoni ta’ interess, li għandhom l-intenzjoni li jidħlu għal dan l-impenn hekk importanti u ta’ responsabbiltà kbira, issa t-tellieqa jidher li se tkun bejn żewġ kandidati.

Waqt li għaddej dan kollu, il-membri tal-partit huma preparati li jitfgħu l-vot tagħhom, waqt li l-aspettattivi huma għoljin mhux biss għall-kandidati nfushom imma anki għar-rigward tad-direzzjoni futura tal-partit, ir-rwol tiegħu fil-politika nazzjonali.

Iż-żewġ kontestanti – fl-ordni li applikaw – Alex Borg u Adrian Delia, jirrappreżentaw viżjonijiet distinti għall-PN. It-tnejn irnexxielhom jibnu bażijiet qawwija ta’ sapport intern u poġġew l-istrateġiji tagħhom biex isaħħu aktar il-partit u jagħmluh jappella għall-elettorat aktar wiesa’.

Hawn ta’ min jgħidilhom Prosit u Grazzi mill-qalb lit-tnejn, għall-ġenerożità u d-disponibbiltà tagħhom li jgħidu IVA għas-sejħa tal-partit u ngħid jien anki ta’ Malta, f’din is-siegħa hekk importanti u avventuruża.  Huma setgħu għażlu li bħal ħaddieħor joqogħdu kwieti, sereni, mal-familja tagħhom, imma le, qamu għall-okkażjoni u għażlu l-interess nazzjonali qabel dak personali. Wara kollox it-tnejn huma idonji għall-kariga.

Il-kontestazzjoni tal-‘leadership’ ġiet fi żmien kruċjali għall-PN, waqt li qed jippreżenta alternattiva kredibbli għall-Gvern preżenti. Dibattiti interni xegħlu ‘issues’ ta’ importanza, bħal demokratizzazzjoni, riforma elettorali, u ingaġġar aktar effikaċi u sod mas-soċjetà civili.

Noqorbu għall-aħħar fażi

Bħalissa l-partit jinsab għaddej bil-proċeduri statutorji tiegħu u nista’ ngħid li ninsabu anki viċin li mmorru nivvutaw fi ftit jiem oħra biss, fejn ftit ħin biss wara li tagħlaq il-votazzjoni jkollna r-riżultat f’idejna fi żmien relattivament qasir ħafna. 

Ovvjament dak il-kandidat magħżul, ikun min ikun, se jiret kemm sfidi u kemm l-opportunitajiet li jmexxi wieħed mill-forzi maġġuri tal-pajjiż. Din l-elezzjoni għall-Kap se timmarka aktar minn bidla tal-persuna magħżula – din se tkun ukoll speċi ta’ referendum fuq l-identità tal-partit, id-direzzjoni u r-rilevanza għall-futur.

Jien li naf liż-żewġ kontestanti u li nqishom it-tnejn bħala ħbieb tiegħi, qabel xejn ngħid li t-tnejn li huma, huma tal-affari tagħhom, it-tnejn kapaċi, serji u responsabbli. It-tnejn jimmeritahom il-post li qed jikkontestaw għalih, iżda aktar minn hekk, dawn iż-żewġ Onorevoli membri li allura diġà għandhom esperjenza ta’ Parlament, it-tnejn iħobbu lill-partit u lill-pajjiż. 

Għalhekk jien għalija din mhix ħaġa oħra għajr kompetizzjoni bejn żewġt iħbieb, li ħadd minnhom mhu se jkun rebbieħ jew tellief.

Ferħ, eċitament u pożittività

Inħossni ferħan u eċitat u fl-istess ħin anki pożittiv, dwar il-futur tal-Partit Nazzjonalista, li dejjem kellu nies qalbiena u altruwisti li ma beżgħux iqumu għall-okkażjoni. Min-naħa tan-Nazzjonalisti, dawn jinsabu lesti li hekk kif jitħabbar ir-riżultat, il-Kap il-ġdid, hu min hu, se jsibhom ilkoll warajh, qaqoċċa, lesti u preparati li tagħtuh l-appoġġ u s-sapport kollu li jkollu bżonn.

L-għażla għalina l-votanti mhix waħda faċli però jien persważ li r-raġuni, l-imħabba u l-lealtà tagħna lejn il-partit għażiż tagħna għandha tmexxina u twassalna kif diġà għedt qabel, għar-rebħa waħda, sħiħa u kbira għall-Maltin u Għawdxin kollha ta’ rieda tajba.

Għax kif dejjem ngħidu, jirbaħ il-Partit Nazzjonalista, tirbaħ Malta u fil-fatt ma jkun tilef ħadd, għajr dawk il-ftit li ħajjithom hija bażata fuq il-korruzzjoni, l-inġustizzja u l-kriminalità.

Mela nħarsu ’l quddiem għal dak il-mument li lkoll nixtiequ u li bih ilkoll inħossuna aħwa Maltin u Għawdxin u minn qalbna nawguraw lil Alex u lil Adrian futur sabiħ mimli sodisfazzjon, għalihom, għall-Partit Nazzjonalista u għal Malta u Għawdex tagħna.

Inħossni ferħan u eċitat u fl-istess ħin anki pożittiv, dwar il-futur tal-Partit Nazzjonalista, li dejjem kellu nies qalbiena u altruwisti li ma beżgħux iqumu għall-okkażjoni

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ Lulju, 2025.