Sport Sport Ieħor

Paola Volleyball Club b’kamp tat-taħriġ f’Messina

Grupp ta’ 26 player minn ħdan il-klabb ta’ Paola Volleyball it-Tnejn vjaġġa lejn Messina fi Sqallija biex jieħu sehem f’ kamp ta’ taħriġ fuq sitt t’ijiem li qiegħed jorganizza l-club tas-Serie A2 Taljan Akademia Sant’Anna. Attwalment hemm ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-klabb minn Messina u dak Malti.

Is-sessjonijiet f’Messina se jitmexxew minn Matteo Pilieci, li għandu rwol ta’ direttur tekniku tal-kamp u li diġa’ rebaħ il-kampjonat nazzjonali Taljan ma’ diversi clubs f’livell ta’ taħt is-sittax, sbatax u tmintax -il sena. Se jassisti wkoll Giuseppe Bosetti, kowċ ta’ esperjenza vasta fis-settur taż-żgħażagħ, Michela Ciarrocchi li hi plejer professjonali tal-klabb tas-Serie A1 Taljan Roma Volleyball Club u anki players u kowċis fi ħdan il-club ta’ Akademia Sant’ Anna.

Il-kamp hu miftuħ għal players ta’ Akademja, clubs oħra Sqallin u għall-plejers ta’ Paola. Dawn se jkollhom kemm sessjonijiet ta’ volleyball indoor u anki ta’ beach volleyball. Il-kontinġent ta’ Paola Volleyball Club se jitmexxa mill-President Dr Kenneth Vella, is-Segretarja Ġenerali Alexia Brincau u l-coaches Carmen Gauci u Antonio Borg.

Mitlub jikkummenta dwar din iż-żjara f’Messina, il-President ta’ Paola tenna li din l-esperjenza fi Sqallija għall-plejers taħt id-dsatax, sbatax u ħmistax -il sena tikkonferma l-pjanijiet tal-club li jagħti lill-atleti fi ħdanu anki esperjenza nternazzjonali. Tikkonferma wkoll li Paola Volleyball Club qiegħed jagħti attenzjoni lis-settur tat-tfal daqskemm jingħata lil dak tal-kbar.

Matul din iż-żjara fi Sqallija, Vella se jkollu wkoll laqgħat mal-uffiċjali tal-club ta’ Akademia Sant’Anna biex tiġi diskussa l-kollaborazzjoni futura bejn iż-żewġ clubs u anki mas-sindku tal-belt l-Onorevoli Federico Basile anki biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn din il-belt ewlenija fi Sqallija u anki pajjiżna.

Il-parteċipazzjoni tal-players Maltin fil-camp hija possibli anki grazzi għall-appoġġ tal-ġenituri kif ukoll tal-isponsors tal-club li huma Executive Security Services, Maypole, De Paola Pharmacy, Marindex Trophies, Izibet, Dragonara Casino u Brasserie u HandsOn Systems