Lokali

Żewġ persuni jitilfu ħajjithom fil-baħar

Raġel ta’ 25 sena minn Nepal u residenti Ħal Qormi, u raġel ta’ 67 sena residenti l-Munxar, it-tnejn tilfu ħajjithom dalgħodu waqt li kienu qegħdin jgħumu.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, xħin il-pulizija ġiet infurmata li ftit tal-ħin qabel, in-Nepaliż ta’ 25 sena kien iddaħħal l-Isptar Mater Dei, wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum fl-inħawi tal-Exiles, f’Tas-Sliema.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-vittma niżel jgħum ma’ xi ħbieb meta għal xi raġuni sab ruħu f’diffikultà. Kienu sħabu stess li tellgħuh l-art, u minnufih sejħu għall-għajnuna.

Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit ħin wara li ttieħed l-isptar.

Intant, aktar tard, għall-ħabta tas-sebgħa u kwart ta’ dalgħodu, intalbet ukoll l-assistenza tal-Pulizija fil-Bajja tax-Xlendi wara li xi persuni lemħu persuna mitlufa minn sensiha fil-baħar.

Nies li kien hemm fil-viċin taw l-ewwel għajnuna u tellgħu lir-raġel mill-baħar. Minnufih wasal tim mediku, iżda sfortunatament, ir-raġel ta’ 67 sena kien iċċertifikat mejjet.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn l-inċidenti għadhom għaddejjin filwaqt li nħatru Inkjesti Maġisterjali.