Alex De Gabriele, wieħed mill-plejers tat-tim nazzjonali Malti tat-tennis, u li din is-sena ħa sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 li sar f’Andorra u d-Davis Cup Grupp III fil-Macedonia ta’ Fuq, kompla bl-impenji internazzjonali tiegħu matul dan is-sajf.
De Gabriele għadu kif ħa sehem fi tlett ITF M15 PRO turnaments li saru f’Monastir, fit-Tuneżija. Ir-riżultati miksuba mit-tennist żagħżugħ Malti f’dawn il-kompetizzjonijiet kienu jvarjaw, hekk kif De Gabriele rrnexxilu jasal sas-semi-finali tal-kompetizzjoni doubles fit-tieni ġimgħa mat-tennist kollega tiegħu minn Franza, Leon Lestir.
Fil-kompetizzjoni tas-singles De Gabriele kiseb rebħa u tlett telfiet, bl-aqwa prestazzjoni tinkiseb fit-tieni ġimgħa hekk kif hu tilef logħba li damet sejra kwazi tliet sigħat u nofs, bil-punteġġ finali jkun dak ta’ 6- 7, 7-6, 6-7, kontra l-Franciż, Romain Gales, dan tal-aħħar pleyer li jimilita ġewwa Clemson University, fl-Istati Uniti.
De Gabriele irreġistra rebħa tajba fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikkazjoni fit-tielet ġimgħa tal-kompetizzjonijiet b’rebħa ta’ 6-1, 6-1, pero ma rrnexxilux jissupera l-ostaklu tal-avversarju mill-Morokk, Yassine Smiej, fit-tieni rawnd.
Wara dawn l-impenji ta’ De Gabriele, issa tibda l-preparazzjoni għat-turnament li jmiss, hekk kif De Gabriele se jirrapreżenta lil Malta fil-FISU University Games fil-Ġermanja bejn is-16 u 27 ta’ Lulju li ġej.
Dan se jkun l-aħħar impenn ta’ De Gabriele fl-Ewropa, qabel ma jerġa’ jmur l-Istati Uniti biex ikompli l-aħħar sena tiegħu f’dan il-kulleġġ, bil-mira tkun li jerġa’ jirbaħ it-titlu ta’ CAA Conference mat-tim tal-UNCW.
Dawn l-impenji internazzjonali li qed jieħu sehem fihom De Gabriele qed ikunu possibli grazzi għall-appoġġ kontinwu ta’ SportMalta u l-Malta Tennis and Padel Federation.
//= $special ?>