Futbol Sport

André Schembri jinħatar assistant kowċ ta’ Nea Salamis Famagusta FC

André Schembri
André Schembri

L-eks internazzjonali Malti, André Schembri se jkun qed jifforma parti mill-istaff tekniku ta’ wieħed mill-klabbs f’Ċipru li għandu storja, Nea Salamis Famagusta FC. Permezz tal-midja soċjali tagħhom, illum il-klabb ħabbar li Schembri, li fix-xhur li għaddew kiseb il-liċenzja PRO tal-UEFA, se jkun l-assistant kowċ ta’ Ángel López, Spanjol ta’ 42 sena li bħal Schembri se jkun wiċċ ġdid fl-iskwadra li se tkun qed tilgħab fit-Tieni Diviżjoni Ċiprijotta.

Nea Salamis Famagusta FC hu wieħed mit-timijiet li fit-tmiem tal-istaġun li għadu kemm intemm kien relegat mill-ogħla diviżjoni tal-pajjiż, u qed iħares lejn l-istaġun 2025/26 bħala l-bidu ta’ ċiklu ġdid, b’numru ta’ tibdil fosthom fl-istaff tekniku tal-iskwadra.

Schembri kien beda’ 2024/25 bħala kowċ ta’ Anagennisi Derynias, fit-Tieni Diviżjoni ta’ Ċipru madankollu l-avventura tal-kowċ Malti li għad għandu 39 sena, ma tantx damet wara li ż-żewġ naħat kienu laħqu qbil biex jinħallu mill-kuntratt ta’ bejnithom wara li nixfa ta’ riżultati pożittivi. Din kienet l-ewwel esperjenza vera u propja ta’ Schembri bħala kowċ ta’ tim fil-livell tal-kbar.

Matul l-istess staġun, hu mifhum li Schembri kellu opportunitá biex jiġi jmexxi klabb tal-Malta Premier madankollu l-eks captain tat-tim nazzjonali Malti għażel li jibqa’ f’Ċipru.

Fit-tmiem tal-istaġun li għadda, Replay kien żvela kif Schembri kien qed jikkonsidra diversi alternattivi, speċjalment issa li għandu l-ogħla liċenzja tal-UEFA fil-coaching, inkluż interess minn klabbs f’Malta.

Wara evalwazzjoni tal-offerti li kellu, Schembri ħa d-deċiżjoni li jissieħeb ma’ Nea Salamis Famagusta FC, fir-rwol ta’ assistant kowċ, u f’proġett ambizzjuz għal klabb li għandu l-mira li jirritorna mal-ewwel fl-ogħla diviżjoni ta’ Ċipru.

Żewġ staġuni llu, Schembri nieda proġett innovattiv f’Malta flimkien ma’ l-avukat Luigi Fenech, bit-twaqqif ta’ NxtEra Football, li tgħin plejers sa minn eta’ żgħira sabiex jiżviluppaw it-talent tagħhom fil-futbol permezz ta’ metodoloġija “xprunata mill-identita’ tagħna biex niżviluppaw u nimmassimizzaw il-potenzjal tal-plejers.”