Lokali

Ebda progress veru fil-qasam tas-saltna tad-dritt

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tas-saltna tad-dritt josserva li Malta m’għamlitx progress fuq ir-rakkomandazzjonijiet li ilhom ikarkru s-snin u fejn ġie reġistrat dak li jissejjaħ progress ma ġara xejn ħlief wegħdi tal-gvern iżda xejn fil-konkret. Hi d-determinazzjoni tagħna li naraw li l-proċess annwali tas-saltna tad-dritt tal-Kummissjoni Ewropea jkun ta’ kontribut siewi biex jiġu promossi l-valuri demokratiċi u biex isiru r-riformi li pajjiżna għandu bżonn biex tkun imħarsa tassew is-saltna tad-dritt.

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li r-rapport jinnota li sar “xi progress” dwar riforma biex tassigura l-indipendenza tal-ġudikatura billi tinvolvi lill-imħallfin fl-għażla tal-prim imħallef. Iżda dan is-suppost progress kien il-proposta li għamel il-gvern biex jibdel il-Kostituzzjoni li m’għaddietx mill-Parlament. Hi r-responsabbiltà tal-gvern li jikkonsulta u jibni konsensus nazzjonali dwar bidliet kostituzzjonali u dan m’għamlux. Illum din ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għada fejn kienet sena ilu, imwaħħla.

Ir-rapport jgħid li sar “xi progress” biex il-proċeduri fil-qrati ma jibqgħux itawlu daqskemm ilhom. Dan is-suppost progress hu nnutat minħabba proposti leġiżlattivi li għamel il-gvern li għadhom biss teorija. Iżda ċ-ċifri juru li l-kawżi fil-qrati Maltin qed idumu aktar, mhux inqas, partikolarment fl-oqsma kriminali u amministrattivi.

Ir-rapport josserva li n-nuqqas ta’ riżorsi umani fil-qrati għadu gravi u l-liġi biex tirregola l-professjoni tal-avukati għadha fuq l-ixkaffa.

Ir-rapport jgħid li sar “xi progress” biex l-investigazzjonijiet tal-korruzzjoni ma jdumux daqshekk. Dan għax żdiedu l-impjegati fil-Pulizija u l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali. Imma kif isib ir-rapport stess ir-riżultati ma tjiebux għax każijiet ta’ korruzzjoni fil-qrati mhux jiġu konklużi.

Ir-rapport jinnota li l-proposti li saru mill-inkjesta Daphne Caruana Galizia biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadhom fuq l-ixkaffa u li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni kienet u għada hemm għalxejn. Ir-rapport jinnota wkoll li l-proposti biex jitjiebu l-miżuri tal-integrità fil-politika għadhom fuq l-ixkaffa waqt li l-gvern waqaf jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri u ma sarx progress biex isir it-tibdil li hemm bżonn biex taħdem il-liġi li suppost tipproteġi lill-whistleblowers.

Sadattant ir-rapport sab li ma sar ebda progress biex il-ġurnaliżmu f’Malta jkun ħieles u protett, ebda progress biex ix-xandir pubbliku jkun indipendenti, ebda progress biex titwaqqaf istituzzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u ebda progress biex tinħoloq struttura fil-liġi għall-konsultazzjoni pubblika. Ir-rapport sab ukoll ftit li xejn progress biex jitħares id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għad-dokumenti li jżomm il-gvern.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom jinġarru minn sena għal sena u l-gvern mhux jagħmel progress fihom.

Nosservaw ukoll li l-gvern qal lill-Kummissjoni Ewropea dan li ġej:

1.⁠ ⁠Li lesta liġi ġdida biex jassigura l-indipendenza tal-arbitri amministrattivi billi jneħħi ‘l-ministri mill-għażla tal-ġudikanti;

2.⁠ Li qed iħejji liġi ġdida biex iżid il-poteri tal-Awtorità tax-Xandir biex jipproteġi aħjar il-pluraliżmu fil-midja;

3.⁠ ⁠Li sa Ġunju li għadda se joħloq dipartiment ġdid tal-gvern biex jamministra l-konsultazzjonijiet pubbliċi;

4.⁠ ⁠Li sa Ġunju li għadda se jipproponi liġi biex tinħloq aġenzija għad-drittijiet tal-bniedem;

5.⁠ ⁠Li sa dan ix-xahar kien se jipproponi liġi biex jirregola lis-settur volontarju.

Ħlief għall-konsultazzjoni li wettaq il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji dwar il-ħsibijiet tiegħu għal liġi ġdida għas-settur li jirregola hu, il-gvern ma wettaq ebda konsultazzjoni dwar l-intenzjonijiet tiegħu dwar dawn l-oqsma importanti. Nappellaw għal konsultazzjoni effettiva u għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku u tas-soċjetà ċivili dwar dawn il-miżuri vitali għad-demokrazija Maltija.

Ninnutaw ukoll l-ironija li biex jirreġistra progress fir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea, il-gvern iwiegħed li se jagħmel ir-riformi f’Ġunju biex ikun tard wisq għall-Kummissjoni li tivverifika jekk dak li jkun wiegħed il-gvern fil-fatt ikunx għamlu qabel il-Kummissjoni tlesti għall-approvazzjoni interna tar-rapport qabel il-pubblikazzjoni.

Nesprimu wkoll id-diżappunt tagħna li l-Kummissjoni Ewropea ma jidhirx li qed tieħu bis-serjetà li jixirqilha l-miżura li ħa l-gvern li neħħa d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesti maġisterjali partikolarment f’każijiet ta’ korruzzjoni. Waqt li l-Kummissjoni tinnota l-oġġezzjonijiet tas-soċjetà ċivili għat-tibdil li sar u l-fatt li sar mingħajr konsultazzjoni, hi l-fehma ta’għna’ Repubblika li l-Kummissjoni mhix tapprezza li fil-kuntest ta’ tnaqqir sħiħ tal-infrastruttura diġà dgħajfa ta’ pajjiżna biex jiġġieled il-korruzzjoni, din hi rigressjoni serja fl-istat tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Hu ta’ diżappunt iżda li l-gvern isib skużi u jivvinta progress li jkun sar biss fuq il-karta biex jevita li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li jsirulu għar-riformi li tassew għandna bżonn.