Internazzjonali

Franza: Rejd fuq il-kwartieri tal-Partit Rally Nazzjonali… Suspetti dwar finanzjamenti illegali

Il-kwartieri ġenerali tar-Rally Nazzjonali (RN) – il-partit estremista tal-lemin — għadhom kemm kienu mira għal rejd min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi. Azzjoni li nkwadrat fl-investigazzjoni dwar allegati abbużi fl-iffinanzjar tal-kampanji politiċi tal-istess RN.

Min-naħa tiegħu, Jordan Bardella, il-President tar-Rally Nazzjonali, li għad għandu lil Marine Le Pen bħala simbolu ewlieni, insista li l-partit tiegħu spiċċa suġġett għal ‘aktar persekuzzjoni’ min-naħa tal-Gvern tal-President Franċiż Emmanuel Macron.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pariġi, issa, spjega li l-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq jekk ir-Rally Nazzjonali iffinanzjax ‘parzjalment’ il-kampanji politiċi tiegħu b’self akkwistat bil-mezzi illegali. Self li l-partit, allegatament, iggwadanja minnu bejn l-2020 u l-2024.

L-investigazzjoni hi wkoll relatata mal-potenzjal ta’ ħasil tal-flus u l-użu ta’ dokumenti falsifikati waqt il-kampanja tal-partit estremista għall-elezzjoni presidenzjali (fi Franza) tal-2022 – aġir li seta’ kien ukoll relatat mal-elezzjonijiet ġenerali ta’ dik is-sena u l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew.

Ma laħqux tressqu l-akkużi u meta l-prosekuturi fil-preżent qed ilestu ‘il-fażijiet sussegwenti’ tal-investigazzjoni.