Il-klabb Franċiż ta’ Lyon rebaħ l-appell kontra r-relegazzjoni minn Ligue 1 – bir-riperkussjonijiet kapaċi jaffettwaw iċ-ċansijiet tal-klabb Ingliż, Crystal Palace, li jikkompeti fl-Europa League tal-istaġun li ġej.
Lyon, ġranet ilu, kien ikkundannat għal staġun f’Ligue 2 għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-klabb glorjuż….Dan wara li d-Direction Nationale du Contrôle de Gestion (DNCG), bħala r-regolatur finanzjarju fi Franza, ikkuntesta d-djun sinifikanti tal-klabb ( madwar il-541 miljun ewro) u s-sistema ‘insostenibbli’ ta’ FC Lyon relatata mas-salarji tal-plejers.
Madankollu, Lyon, issa qalbu l-verdett wara li d-dirġenti tal-klabb qablu biex jamministraw lill-entità sportiva taħt il-kriterji finanzjarji aktar stretti.
L-iżviluppi jfissru wkoll li l-klabb Franċiż jista’ jikkompeti fl-Europa League wara li spiċċa fis-sitt post tal-ogħla kampjonat ta’ pajjiżu…. Sitwazzjoni li qed iżżid il-pressjoni fuq UEFA biex tiddeċiedi uffiċjalment dwar ‘l-istatus’ ta’ Crystal Palace b’konnessjoni ma’ din il-kompetizzjoni tal-futbol Ewropea.
Min-naħa tagħhom, Crystal Palace, li għaddew għall-Europa League b’rebħa fuq Manchester City fil-finali tal-FA Cup, qed jistennew b’ansjetà għall-konferma dwar l-eliġibbiltà biex jilgħabu f’din il-kompetizzjoni…. Dan fost l-iskrutinju bir-reqqa mill-UEFA għar-regola magħrufa bħala tal-‘multi-club ownership’.
Fil-fatt, John Textor, li hu l-akbar stakeholder fil-klabb ta’ Lyon, hu wkoll il-persuna li investa l-aktar fl-ishma tal-klabb ta’ Londra u għaldaqstant teżisti sitwazzjoni ċara li tibbaża fuq konflitt ta’ interess.
Skont ir-regoli tal-UEFA, l-ebda individwu jew grupp ‘b’influwenza deċiżiva’ ma jista’ jikkontrolla aktar minn klabb wieħed fl-istess kompetizzjoni….Għadaqstant, teżisti l-possibbiltà li Crystal Palace, ‘il quddiem, jispiċċaw jigħabu fl-Europa Conference minflok fl-Europa League.
//= $special ?>