Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif il-Gvern se jnaqqar mid-drittijiet taċ-ċittadini li jappellaw minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar billi se jnaqqas iż-żmien li fih jistgħu jsiru l-appelli għall-ippjanar. Dan mhu xejn ħlief tentattiv biex iċ-ċittadini u l-NGOs ambjentali jiġu mċaħħda mid-dritt li jappellaw.
Dan juri kemm il-Gvern Laburista għadu mingħajr pjan għall-ippjanar, u filwaqt li issa se jbiddel il-liġi biex jillimita ż-żmien tal-appelli dwar applikazzjonijiet għal żvilupp, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Gvern Laburista ilu sentejn iwiegħed li ssir riforma sħiħa f’dan ir-rigward, mhux b’miżuri nofs kedda u bil-għaġla kif qed jagħmel illum.
Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u x-Shadow Minister għall-Ambjent Rebakah Borg.
Sentejn wara, ironikament ilbieraħ il-Prim Ministru tkellem dwar dak li sejjaħlu “ritmu jaħraq nar” li bih qed jaħdem dan il-Gvern meta mal-ġurnalisti qal li din ir-riforma issa waslet biex titħabbar.
Min-naħa tiegħu, meta lbieraħ ukoll kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni, il-Ministru responsabbli mill-ippjanar Clint Camilleri ma ċaħadx dak li tkellem dwaru Robert Abela, li ż-żmien biex jiddaħħal l-appell, kemm quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (ERPT) kif ukoll quddiem il-Qorti, se jiqsar għal 20 ġurnata. Camilleri ma offriex lanqas l-ebda soluzzjoni dwar kif se jiżdiedu l-produttività u l-effiċjenza tal-proċess kemm fl-ERPT kif ukoll fil-Qorti biex il-proċess tal-appell jieħu l-anqas żmien possibbli.
L-ebda skuża tal-Prim Ministru li dan qed isir biex il-proċess ma jkomplix jitwal u li t-tnaqqis tal-perjodu tal-appell jgħodd ukoll għall-iżviluppaturi – mhux biss għal dawk li jkunu jridu joġġezzjonaw – ma jiġġustifika dan it-tentattiv tal-Gvern li jagħlaq ħalq dawk li joġġezzjonaw għal applikazzjonijiet tal-ippjanar. Li ma spjegax Robert Abela hu li għall-individwi u l-NGOs biex jappellaw, il-proċess jirrikjedi ħafna aktar ħin milli għall-iżviluppatur.
Filwaqt li l-PN jaqbel li l-proċess għandu jkun effiċjenti u iqsar, u b’inqas burokrazija, dan żgur li ma għandux isir a skapitu ta’ min irid joġġezzjona għal applikazzjonijiet ta’ żvilupp u jressaq appell.
Fil-Parlament Clint Camilleri nnifsu kkonferma wkoll dak li ilu jinsisti fuqu l-PN u dak li jħabbtu wiċċhom miegħu ta’ kuljum in-nies, l-iżviluppaturi, l-għaqdiet ambjentali, kif ukoll kull min b’xi mod jew ieħor imiss ma’ żvilupp, jiġifieri li matul l-aħħar 12-il sena l-Gvern Laburista staġna s-sistema tal-ippjanar u ħoloq policies li wasslu għal ħafna aktar ambigwità u ħafna inqas ċertezza.
Għal dawn is-snin kollha l-Gvern, intenzjonalment, baqa’ ċass quddiem ħafna sitwazzjonijiet fejn l-iżvilupp jibda, u f’xi każi anke jitlesta, anke waqt li l-permess ikun qed jiġi appellat, jew saħanistra wara li l-Qorti tkun waqqfet il-permess u allura l-iżvilupp ikun wieħed illegali. Bħalma ġara fil-każ tal-proġett f’Ta’ Xbiex, fejn uffiċċji u ristorant f’isem awtorità tal-gvern mhux biss komplew jinbnew waqt l-appell imma issa l-awtorità qed tfittex ukoll li tissanzjona l-istess żvilupp li l-permess għalih ma messu ħareġ qatt.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti li titwaqqaf immedjatament din l-assurdità permezz ta’ proċess simplifikat, l-eliminazzjoni ta’ burokrazija żejda, it-tnaqqis tal-ispejjeż u t-tnaqqis fit-tul tal-proċess waqt li jingħata żmien adegwat biex jitressaq appell u jiġi assigurat proċess ġust.
//= $special ?>