L-iktar ħaġa li tinfluenza lil poplu Malti meta jiġi biex jagħżel stabbiliment tal-ikel hija t-tip ta’ kċina u l-prezzijiet tal-ikel. Aktar minn 58% jemmnu li l-prezzijiet tal-ikel fir-restoranti huma għoljin.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar minn Vincent Marmara għall-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel ma’ 500 individwu – b’400 jkunu residenti f’Malta u l-100 l-oħra jkunu turisti.
Meta mistoqsija biex jagħżlu dwar x’jaħsbu fuq il-prezzijiet tal-istabbilimenti tal-ikel, 58.5% qalu li l-prezzijiet huma għoljin, segwiti b’2.7% li jaħsbu li prezzijiet huma moderati. Minn naħa l-oħra, l-maġġoranza tat-turisti jaħsbu li l-ikel huwa ta’ valur għall-prezz.
Fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin joħorġu jieklu fi stabbiliment tal-ikel darba fil-ġimgħa, dan filwaqt li 44.6% tat-turisti joħorġu jieklu darba kuljum u 32.5% joħorġu jieklu darbtejn kuljum.
Interessanti kif it-tip ta’ kċina tal-istabbiliment tal-ikel hija l-iktar ħaġa li tiddetermina l-għażla tal-post kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.
U filwaqt li għall-Maltin din hija segwita mill-prezzijiet tal-ikel, il-kwalità tal-ikel u l-aċċessibbiltà tal-parkeġġ… għat-tursti il-kċina hija fl-istess livell tal-prezzijiet tal-ikel u hija segwita mil-lokalità u l-kwalità tal-ikel.
Ir-raġuni għalfejn il-Maltin u t-turisti joħorġu jieklu fi stabbiliment tal-ikel hija l-aktar għall-pjaċir u d-divertiment. U kienu biss 5.8% tal-Maltin li qalu li jmorru jieklu fi stabbiliment għal xi laqgħat dwar in-negozju.
Bħala medja, il-maġġoranza tat-turisti jonfqu madwar €41 kull darba li jmorru fi stabbiliment tal-ikel, filwaqt li l-Maltin jonqfu madwar €94 kull xahar, kif spjega il-Viċi President tal-ACE, Matthew Pace.
Intant, il-konsumaturi ntalbu jwieġbu wkoll dwar il-fatturi li jinfluwenzawhom l-aktar meta jiġu biex jagħżlu stabbiliment minn ieħor. Interessanti l-fatt li l-Maltin jimxu fuq pariri li jingħataw – filwaqt li t-turisti jiddependu ħafna fuq analizi online.
Fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin jagħtu 5% tips, filwaqt li 39.8% tat-turisti ma jagħtu xejn.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ix-Shadow Ministers Adrian Delia, Alex Borg u Mario DeMarco.
//= $special ?>