Lokali

Il-President tniedi l-August Moon Ball

Fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard, ġiet imnedija l-edizzjoni tal-2025 tal-August Moon Ball organizzat mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta b’risq il-Malta Community Chest Fund.


Din se tkun it-tieni darba li l-avveniment qed isir taħt il-partoċinju ta’ Myriam Spiteri Debono, li se tospita l-attività flimkien ma’ żewġha… fil-kastell storiku ta’ Verdala. Il-ballu prestiġjuż, li ser isir nhar is-Sibt 9 ta’ Awwissu, se jkun komplet b’atmosfera eleganti u raffinata – li tgħaqqad il-klassi mal-ġenerożità.


Il-ġnien tal-palazz se jkun imżejjen b’fjuri għall-okkażjoni, u dawk preżenti se jkunu jistgħu jgawdu serata mużikali b’interpretazzjonijiet live mill-Banda tal-Forzi Armati kif ukoll Big Band Brothers, flimkien ma’ ikel u nbid ta’ livell għoli.


Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President Spiteri Debono saħqet fuq l-importanza li avvenimenti bħal dawn ikomplu jsaħħu s-sinsla tas-soċjetà: il-ġenerożità taċ-ċittadini li jagħżlu li jikkontribwixxu minn dak li għandhom għal persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ bżonn.

Il-President kienet akkumpanjata minn Sina Bugeja, iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, li spjegat kif l-attivitajiet organizzati minnhom – inkluż dan il-ballu – huma ta’ għajnuna għal bosta nies f’diversi sitwazzjonijiet. Fakkret ukoll li l-ispejjeż tal-kura qed ikomplu jogħlew, u għalhekk kull kontribuzzjoni tagħmel differenza.