Futbol Sport

Illejla fis-6pm, jibda l-impenn Ewropew taċ-champions Ħamrun Spartans

Il-kowċ Taljan, Giacomo Modica llejla se jkun qed jiddebutta bħala kowċ ta' Ħamrun Spartans fil-partita kontra FK Žalgiris.
Il-kowċ Taljan, Giacomo Modica llejla se jkun qed jiddebutta bħala kowċ ta' Ħamrun Spartans fil-partita kontra FK Žalgiris.

Tikber l-istennija għad-debutt taċ-champions Maltin, Ħamrun Spartans fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra ċ-champions tal-Litwanja, FK Žalgiris.

Din se tkun l-ewwel partita minn tnejn, u għalkemm l-odds mid-diversi kumpaniji tal-betting qed ipoġġu lit-tim Litwan aktar favoriti li jirbħu f’LFF Stadium, f’Vilnius, il-belt kapitali tal-pajjiż, Ħamrun Spartans qed jittamaw f’90 minuta pożittivi li jwasslu għal riżultat li jkun tajjeb biżżejjed li jżomm lit-tim biċ-ċans ta’ kwalifikazzjoni meta l-Maltin jiġu biex jilagħbu t-tieni logħba fl-Istadium taċ-Ċentinarju f’Ta’Qali, fil-15 ta’ dan ix-xahar.

Sal-lum, minn kemm ilha li ġiet introdotta l-UEFA Conference League, l-ebda klabb Malti li lagħab fil-UEFA Champions, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni, għadu qatt ma rrnexxilu jissupera din il-fażi u kemm il-darba klabb Malti, f’dan il-każ Ħamrun Spartans, jirnexxilhom jagħmlu dan wara ż-żewġ partiti kontra FK Žalgiris, ikunu qed iżidu bil-kbir il-possibbiltá li jistgħu jksbu post fl-istadju tal-gruppi ta’ waħda mill-kompetizzjonijiet tal-UEFA.

Dan għaliex b’rebħa fuq żewġ partiti minn Ħamrun Spartans fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, u fl-agħar xenarju l-iskwadra ta’ Giacomo Modica tkun eliminata minn din il-kompetizzjoni fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni, il-fatt li t-tim Malti se jkun qed jilgħab fit-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni fil-UEFA Ewropa League u mhux bħalma ġara sal-lum fil-UEFA Conference League, ikun qed jiggarantixxi li anke jekk jitlef fit-tielet stadju tal-UEFA Ewropa League, iwassal sal-istadju tal-play-offs tal-gruppi tal-UEFA Conferece League.

Tajjeb li nfakkru li Ħamrun Spartans diġà waslu sa dan l-istadju, ċioé r-raba’ stadju tal-UEFA Conference League fl-istaġun 2022/23. Dakinhar, però, Ħamrun Spartans kienu bdew l-impenji tagħhom fl-Ewropa mill-ewwel rawnd ta’ kwailfikazzjoni tal-UEFA Conference League u baqgħu javvanzaw rawnd wara l-ieħor wara li kienu eliminaw lil Alashkert, Velež Mostar u Levski Sofia, iżda fir-raba’ stadju ta’ din il-kompetizzjoni, ċioé l-istadju tal-play-offs għal min se jikseb post jew le fil-gruppi tal-UEFA Conference League, Ħamrun Spartans kienu sfaw eliminati minn Partizan b’aggregate wara żewġ partiti ta’ 7-4.

Ħamrun Spartans kienu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna f’dik il-kompetizzjoni mhux bħala champions tal-futbol lokali fl-istaġun ta’ qabel, b’Hibernians kienu rebħu l-Kampjonat fl-istaġun 2021/22. Għaldaqstant il-mixja ta’ Ħamrun Spartans f’dak l-istaġun waslithom biex jilagħbu kontra avversarji li ma kinux champions tal-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Dan il-fatt jagħmel id-differenza fit-toqol tal-avversarju, għaliex la darba Ħamrun Spartans se jkunu qed jibdew l-impenji tagħhom fl-Ewropa bħala ċ-champions ta’ Malta, mill-ewwel stadju tal-UEFA Champions League, meta jkunu eliminati minn din il-kompetizzjoni u jgħaddu għall-UEFA Ewropa League u anke jekk jgħaddu għall-UEFA Conference League ukoll, l-avversarji li se jilagħbu kontra tagħhom se jkunu timijiet rebbieħa tal-Kampjonati tal-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Dan kollu jispjega l-importanza kbira li Ħamrun Spartans jissuperaw dan l-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni wara żewġ partiti kontra ċ-champions tal-Litwanja, FK Žalgiris għaliex b’hekk bħala klabb rappreżentattiv Malti, inkunu qed naċċertaw li fl-agħar xenarju mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League ‘il quddiem, Ħamrun Spartans (f’dan il-każ) ikunu qed jaċċertaw minn post fl-istadju tal-play-offs tal-UEFA Conference League.

Sintendi bħal f’kollox, l-element ta’ fortuna fil-polza, tilgħab parti importanti biex tgħin lil klabb li ġej minn pajjiż żgħir, bħal fil-każ ta’ Ħamrun Spartans, biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jissuperaw l-istadju tal-play-offs u jiktbu l-istorja tal-futbol Malti billi jagħmluha għall-fażi tal-gruppi ta’ kompetizzjoni tal-UEFA.