In-negozjati bejn Iżrael u l-grupp terroristiku Ħamas, għalissa, qed jidhru staġnati. Iżda hemm xorta stennija li ż-żewġ naħat, ‘il quddiem, jikkonfermaw waqfien mill-ġlied għall-battalji li għaddejjin bħalissa fil-Medda ta’ Gaza.
Il-waqfien mill-ġlied jista’ jkun effettiv għal tliet xhur (60 jum) u meta fl-aħħar tlett ijiem saru sensiela ta’ taħditiet indiretti bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern Iżraeljan u l-Ħamas.
Fost l-intoppi, għalissa, issemmew il-miżuri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna lill-Palestinjani f’Gaza waqt hekk-imsejjaħ ‘ceasefire’. Jidher ukoll li ma setax isir qbil dwar l-irtirar eventwali tal-battaljuni tal-Armata Iżraeljana mill-artijiet ta’ Gaza.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, kien għaddej bi żjara fl-Istati Uniti u fejn hu, nhar it-Tlieta, kellu laqgħa oħra, li ma kenitx skedata, mal-President Amerikan, Donald Trump. Laqgħa li żiedet is-sens ta’ ottimiżmu li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza jista’ hu biss ġranet ‘il bogħod.
Ir-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff, ukoll qed jidher ottimist li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ikun konkluż sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa – u wara l-aħħar ‘koreografija’ ta’ taħditiet bejn Trump u Netanyahu.
Il-Prim Ministru Iżraeljan qal, intant, li pajjiżu qed jikkonċentra primarjament fuq l-isforzi biex jinħelsu l-aħħar ostaġġi Iżraeljani miżmuma mill-Ħamas.
Hemm indikazzjonijiet li l-Ħamas qed iżomm madwar 50 ostaġġ u li aktar min-nofshom setgħu mietu waqt li fi stat ta’ priġunerija.
Sadanittant, Netanyahu kompla li Iżrael ‘lanqas mhu se jċedi’ fit-tragwardi militari li jesiġu, fost oħrajn għall-eliminazzjoni tal-militar tal-Ħamas u l-kapaċitajiet amministrattivi ta’ dan il-grupp terroristiku.
It-tragwardi, fil-fatt, huma parti mill-pjan ta’ Iżrael biex il-Ħamas qatt aktar ma jikkostitwixxu periklu ‘preżenti u gravi’ għall-familji Iżraeljani wara l-attakki terroristiċi storiċi ta’ Ottubru tal-2023 fuq l-ibliet u l-villaġġi (ta’ Iżrael) viċin il-fruntiera ta’ Gaza.
Steve Witkoff , intant, qal li Iżrael u l-Ħamas issa avviċinaw ftehim dwar diversi issues li kienu ilhom żmien jostakolaw żblokk fit-taħditiet. Madankollu, wieħed għadu qed jistenna verifika uffiċjali dwar il-progress li sar waqt l-aħħar rawnds tan-negozjati li ilhom għaddejjin mill-Ħadd f’Doha, fil-Qatar.
//= $special ?>