Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar
Il-Whip tal-Parlament Robert Cutajar fl-Aġġornament tal-Parlament qal li l-PN qed jinsisti li r-regoli tal-Parlament ikunu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum u sostna li l-gvern diġà bidel tliet darbiet il-Leader of The House f’din il-leġiżlatura. Hu kompla li l-gvern qed ikaxkar saqajh għall-proposti tal-PN li bihom il-Partit irid jagħti iktar spazju għad-dibattitu politiku fil-Parlament.
Robert Cutajar qal li l-PN jemmen li l-m’għandux ikun hemm mozzjonijiet li bihom il-gvern b’mod arroganti u kapriċċuż, joħnoq lill-Oppożizzjoni billi dawn ma jitressqux. Dawn jitrattaw l-ambjent, il-ħela tal-ikel u l-kultura iżda minkejja li dawn huma mozzjonijiet li mhumiex kontroversjali, il-gvern jibqa’ ma jridx jiddiskuti. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm bdil fir-regoli tal-Parlament għaliex l-Oppożizzjoni għandha biss żewġ seduti biex tressaq il-mozzjonijiet tagħha.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jibqa’ jinjora lill-Oppożizzjoni għax m’għandux għal qalbu l-ħidma parlamentari. Hu sostna li ċertu seduti qed jispiċċaw siegħa kmieni għaliex ma jkunx hemm diskussjoni parlamentari. Issa l-gvern se jwaqqaf żewġ kumitati ġodda fil-Parlament dwar l-edukazzjoni u l-AI iżda l-proposta tal-PN biex jitwaqqaf kumitat permamenti dwar il-ġustizzja tibqa’ ma titressaqx. Din il-proposta tal-Oppożizzjoni ilha tliet snin quddiem il-Parlament iżda l-gvern jibqa’ ma ressaqhiex.
Robert Cutajar appella lill-Gvern biex iressaq din il-proposta tal-PN biex jitwaqqaf Kumitat Parlamentari dwar il-Ġustizzja. Dwar il-Kumitat tas-Saħħa, hu qal li issa kien hemm bidla fiċ-Chairman ta’ dan il-kumitat iżda mhuwiex aċċettabbli li dan il-kumitat ilu ma jiltqa’ minn Ottubru 2023 għalkemm saret laqgħa konġunta sena ilu.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN kien talab li jitwaqqaf kumitat dwar id-dijabete iżda dan ma twaqqafx. Hemm 1,000 domanda parlamentari li mhumiex imwieġba, sostna Robert Cutajar, li kompla li hemm ministri li għandhom mijiet ta’ domandi li mhumiex imwieġba. Il-gvern mhuwiex qed jirrispetta r-rulings tal-Ispeaker, sostna Robert Cutajar.
//= $special ?>