Lokali

L-Ispeaker jilqa’ talba tal-Oppożizzjoni biex jerġa’ jibda jitlaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa – PN

Ir-Ruling tal-Ispeaker jgħid li dan il-Kumitat tal-Parlament għandu jitlaqqa’ wara li l-Gvern ilu ma jlaqqgħu aktar minn 20 xahar, minn Ottubru 2023

Huwa tal-mistħija li l-Gvern ilu ma jlaqqa’ l-Kumitat tal-Parlament dwar is-Saħħa aktar minn 20 xahar u kellha tkun l-Oppożizzjoni li tieħu azzjoni biex dan il-Kumitat daqshekk importanti jerġa’ jibda jitlaqqa’ wara aktar minn sena u nofs.

L-aħħar darba li l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa ltaqa’ kien f’Ottubru tal-2023 u dan wassal biex fil-Kamra tar-Rappreżentanti kien qed ikun hemm nuqqas ta’ diskussjoni dwar materji daqstant importanti fis-settur tas-saħħa.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni fl-aħħar jiem ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali u Deputat tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ian Vassallo ressaq ilment quddiem l-Ispeaker tal-Kamra f’ismu u f’isem ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia li fih spjega kif dan il-Kumitat mhux qed jitlaqqa’.

F’ruling li ta, l-Ispeaker Anġlu Farugia ta raġun lid-Deputat tal-PN u talab liċ-Chairman ta’ dan il-Kumitat, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea biex il-Kumitat jagħmel l-almu tiegħu u jiltaqa’ ħalli jiddiskuti l-materji li għandu bżonn jiddiskuti.

Id-Deputat tal-PN Ian Vassallo – li flimkien mad-Deputat Adrian Delia, huwa membru fuq dan il-Kumitat – fakkar li l-Oppożizzjoni, tul dawn ix-xhur kollha mis-16 ta’ Ottubru tal-2023, għamlet diversi talbiet biex il-Kumitat jerġa’ jibda jiltaqa’, imma dawn waqgħu fuq widnejn torox.

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza fuq l-importanza li dan il-Kumitat jiltaqa’ b’mod regolari minħabba fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna hemm diversi materji ta’ importanza li jridu jiġu diskussi fl-immedjat. Kien hemm ukoll diversi talbiet minn persuni f’dan il-qasam li wkoll talbu li l-Kumitat jiltaqa’ biex jiddiskuti temi speċifiċi.

Il-PN jemmen fid-diskussjoni għax huwa b’hekk biss li pajjiżna jista’ jkollu settur tas-saħħa aħjar, u jrid jassigura li kull materja relatata mas-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin tiġi diskussa bir-reqqa fi żmien opportun.

Fost temi speċifiċi li l-PN qed jisħaq li għandhom jiġu diskussi b’mod urġenti hemm is-sitwazzjoni tas-saħħa mentali f’pajjiżna, l-istat tal-isptarijiet u diversi dokumenti li ġew iffirmati min-naħa tal-Ministru għas-Saħħa.