Mohamed Hamdan beda joffendi lil Jean Paul Busuttil waqt li beda jispara fuqu fost kliem ħażin fejn fost oħrajn beda jgħidlu “ħu ġo fik”. Camera tas-CCTV partikolari ġibdet il-kliem u l-argumenti li kienu għaddejjin fil-Bidnija.
Flimkien mal-vittma fil-karozza kien hemm martu u l-kunjata tiegħu u kienu huma li għenu lill-vittma billi daħħluh fil-karozza u martu bdiet issuq sabiex tagħtih l-għajnuna kollha possibbli fejn fin-Naxxar rat ambulanza li rnexxielha twaqqafha u beda jingħata l-għajnuna.
Madankollu, it-tiri li ġarrab kienu fatali fejn wieħed minnhom laqtu f’wiċċu. Skont martu, waħda minn żewġ xhieda, kienu sparati ħames tiri fuq żewġha, għalkemm il-prosekuzzjoni qalet li mis-CCTV camera nstemgħu sitt tiri.
Hija qalet li tir minnhom kien lejn il-warda ta’ wiċċu, u ieħor f’għonqu. Il-familja Busuttil kienu fi triqithom lejn maratona tal-volleyball f’Ħaż-Żebbuġ fejn kienet se tieħu sehem fiha bint Jean Paul Busuttil.
Dan irriżulta mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima ta’ Mohamed Hamdan, ta’ 46 sena. Hu qed jiġi akkużat bi qtil volontarju wara argument vjolenti ma’ negozjant, li żvolġa fi sparatura fatali fil-Bidnija, kmieni l-Ħadd filgħodu tad-29 ta’ Ġunju. Hamdan, Libjan li twieled fis-Sirja u jgħix fil-Bidnija, qed jiġi mixli li spara u qatel lil Jean Paul Busuttil wara li ħabat miegħu fi triq ‘one-way’.
Ix-xhud qal li Hamdan kien qed isuq kontra d-direzzjoni meta seħħet il-ħabta li wasslet għal argument bejn iż-żewġt irġiel, fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-LESA fejn fil-ħin tal-isparaturi litteralment twerwer għax ħaseb li wara “kien imiss lilu”.
Ħareġ minuti wara l-inċident tal-ħabta, l-akkużat telaq minn fuq il-post fuq mutur ta’ ibnu, iżda reġa’ lura b’arma f’idejh, li biha allegatament spara lejn Busuttil. Il-vittma sofra ġrieħi serji u miet ftit wara. Skont ma’ qal l-Ispettur Kurt Zahra, meta Hamdan tressaq il-Qorti – fil-ħin meta uffiċjal tal-Pulizija wasal fuq il-post u staqsa fuq it-tiri sparati, Hamdan wieġeb mill-ewwel li kien hu li spara.
Madankollu, fil-Qorti meta tressaq l-akkużat ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. L-arma użata nstabet fl-għelieqi jumejn wara l-inċident. Barra l-omiċidju Hamdan qed jiġi mixli fuq pussess ta’ pistola waqt ir-reat, liema arma kienet bla liċenzja, il-qerda tal-evidenza, li saq kontra d-direzzjoni tat-traffiku, li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fuq tliet persuni, u li wettaq ħsarat li jaqbżu l-€2,500.
L-Ispettur Kurt Zahra beda biex jgħid li nhar id-29 ta’ Ġunju kien infurmat li fi Triq il-Bidnija, direzzjoni lejn Burmarrad, kienet qed tintuża għax it-triq prinċipali kienet magħluqa. Kien infurmat li saret sparatura u li kien hemm raġel fil-periklu tal-mewt.
Kien hemm diversi persuni u ltaqa’ ma’ diversi uffiċjali tal-Pulizija. Ġie infurmat li Surġent tal-Pulizija kien fi triqtu lejn ix-xogħol u raha kollużjoni bejn karozza tal-għamla Volvo u mutur Yamaha. Il-Volvo kienet misjuqa mill-vittma u l-mutur kien qed jinstaq l-akkużat.
Din kienet triq rurali bla isem. Kienet ‘front to front collision’. Ġie spjegat lix-xhud li t-triq kienet ‘one way’. Il-mutur daħal kontra l-‘one way’. Is-Surġent kien sejjer lejn ix-xogħol u qal li kien hemm argument u hu informa lill-uffiċjali tal-LESA.
Tenna li fuq il-post il-post kien hemm ukoll il-mara tal-vittma u ommha li kienu qed jakkumpanjaw lill-vittma. Is-Surġent mar ix-xogħol l-Għassa tal-Mosta. Fis-7.30am. Pulizija tal-Mosta marru fuq il-post wara li ġew infurmati li kien hemm argument u ħames minuti wara ġew infurmati li ġew sparati xi tiri.
Hemm il-Pulizija ltaqgħu mal-warden Joseph Delia li kien eċitat li qalilhom fejn saret l-aggressjoni. Hemm il-Pulizija sabu żewġ irġiel Mohammded Hamdan u Nathan, iben l-akkużat. Qalu lill-akkużat jekk kienx hemmx sparatura u qalilhom li kien hu li spara. U hemm ġie arrestat.
Ix-xhud innota li fuq il-post kien hemm żewġ muturi, wieħed minnhom li kien involut fil-kollużjoni u l-ieħor kien qed jagħmel użu minnu t-tifel. Ix-xhud qal li kien hemm flokk abjad fuq il-mutur li kien tal-akkużat li kien neża’.
Mal-vettura Volvo deher li kien hemm tir ta’ arma tan-nar. Mal-ġenb tal-vettura, naħa tax-xufier, seta’ jara qiesu demm, imċappas mal-vettura u demm mal-art. Mal-vettura kien hemm ’round’ li mhux sparat ukoll.
Fuq il-post ukoll kellem lil Joseph Delia il-warden li qal li kien hemm ‘front to front collision’. Saret inkjesta u ttieħdu diversi xhieda. Il-warden għamel xogħlu u kien ta struzzjonijiet biex iressqu l-vetturi, u li, iżda, ħadd ma ried iressaq.
“Stennini ħa nurik min jien, taħseb li ma nasalx?”
Il-warden ħa l-verżjoni tal-akkużat. Hawn Jean Paul Busuttil mar jara x’inhu jiġri u l-warden qallu li se jieħu l-verżjonijiet b’mod separat. Kien hemm it-tifel tal-akkużat li ma kienx ħdejhom. Hekk kif kien qed jieħu l-verżjoni l-akkużat, dan lissen il-kliem; “stennini ħa nurik min jien, taħseb li ma nasalx”.
Il-verżjoni kienet ma tteħditx tal-akkużat u kulma kellu f’idu l-warden kienet il-liċenzja tiegħu. L-akkużat wara li qal dan il-kliem, telaq minn fuq il-post u mar bil-mutur tat-tifel u ma damx biex mar lura fejn il-post tal-inċident.
Dam bejn tlieta u erba’ minuti. Kif wasal l-akkużat qal lil warden biex jersaq, u Hamdan ħareġ pistola u beda jispara. L-ewwel tir kien f’għonqu għax il-warden raha lill-vittma iżomm għonqu. Il-warden ħaseb li hu kien imiss issa, hawn il-warden ra lill-akkujżat jimxi ‘l fuq fid-direzzjoni tal-qasab – u reġa’ lura, u dan probabbli biex jarmi l-arma.
L-Ispettur Zahra fakkar li mal-vittma kien hemm martu u ommha li raw kollox b’għajnehom fejn dawn tellgħu fil-vettura fejn martu pprovat tieħdu l-isptar. Fi triqitha rat ambulanza u waqfitha fi Triq Burmarrad, in-Naxxar. Tal-ambulanza assistew lill-vittma li miet fid-9.13am.
Ix-xhud qal li kien infurmat li l-mara u omm il-vittma kienu l-Isptar Mater Dei u dawn kienu pprovduti l-assistenza. Tenna wkoll li l-Pulizija marru bil-klieb iżda kien diffiċli biex tinstab l-arma għax kien hemm ‘bamboo sticks’ għolja u dawn ukoll bdew jitqattgħu, f’afrea li kienet waħda kbira.
Zahra qal li bdew jiċċekkaw jekk hemmx xi CCTV cameras fl-inħawi u sabu, tnejn minnhom kienu fejn joqgħod l-imputat fi Triq il-Milord fejn il-Knisja. Ittieħdu filmati mis-CCTV tal-ambulanza, u fi triq ‘il bogħod, li fiha kien hemm is-sound tajjeb fejn instemgħet il-kommossjoni u anke t-tiri.
Iben l-akkużat kien qed ibati minn ansjetà
L-Ispettur Zahra qal li t-tifel tal-akkużat kien qed jinżamm fl-Għassa tal-Imtarfa fejn kellu żewġ mobiles, li t-tifel qal li wieħed minnhom kien ta’ missieru. It-tifel ma riedx jirrispondi għad-domandi fl-istqarrija li saritlu. Kellu ansjetà kbira u wara rriżulta li t-tifel ma kellu x’jaqsam xejn mal-każ. Ġie nvistat u rriżulta li ma kellu ebda ġrieħi.
Fl-inkjesta xehdet ukoll il-kunjata tal-vittma li spjegat li kienu ħarġu biex jaraw it-tifla ta’ Jean Paul Busuttil li kellha maratona tal-volleyball. Qalet li raw persuna ġej bil-mutur u daħal fihom. Din qalet ukoll lill-Pulizija li qabel ma’ Hamdan telaq minn fuq il-post dan kellu argument ma’ ibnu u l-akkużat qabad u telaq bil-mutur.
Hi spjegat li l-vittma qala’ ħames tiri u li hu telaq jiġri lejn il-karozza tiegħi. Marru biex jgħinuh jidħol fil-vettura u l-akkużat dak il-ħin qabad slipper u waddabulhom. L-Ispettur qal li hu ma kellimx lil mara għax kienet għadha taħt xokk.
Sadanittant, l-akkużat kien id-depot fejn bdew jittieħdu lilu xi marki tas-swaba. Meta mistoqsi jekk riedx avukat, l-akkużat beda jgħid li l-Avukat tiegħu huwa Alla. Ix-xhud qal li fid-29 ta’ Ġunju filgħaxija mar fejn Hamdan u baqa’ jgħidlu li l-Avukat tiegħu huwa Alla, u kkonferma li huwa spara imma ma riedx jgħidlu fejn kienet l-arma. Il-konferma li huwa spara qalha lil diversi uffiċjali tal-Pulizija.
“Min ħaseb li hu dan, irid jgħaddi minn fuq kulħadd dan il-kapitalista”, qal l-akkużat lix-xhud. L-akkużat kien invistat mit-tabib forensika Mario Scerri u ma sablu xejn. L-akkużat intalab jagħti diversi samples, imma dawn ġew rifjutati minnu minħabba l-gun shot residues fost oħrajn.
Zahra qal li l-akkużat wara ċempel ukoll lil mara tiegħu u qabbad lill-Avukat Mario Mifsud. Fil-11pm. kien interrogat fid-depot fil-preżenza tal-avukat tiegħu. Huwa beda l-istqarrija awdjo viżiva u qal li kien qed iħossu b’saħħtu għall-interogazzjoni. Fil-bidu ma riedx jirrispondi imma wara beda jwieġeb għal xi domandi.
L-akkużat beda jgħidlu li għandu rabja kbira għall-istat. “Għax għaddejt ‘one way’ allura jgħaddi minn fuqi u minn kulħadd. Qal li l-vittma qallu nifqak, anzi ppreċiża u qallu nifqalek it-tifel.” Meta l-Ispettur staqsieh min qallu, l-akkużat wieġbu; “Mur qamu.”
Ix-xhud qal li l-akkużat fl-ebda ħin ma nnega li kien hu li sparalu. Dwar il-filmati tas-CCTV, Zahra qal li fis-6.47am deher mutur, fis-7.26am. jinstema; argument jaħraq, fis-7.29am deher Hamdan bil-mutur fejn ir-residenza ta’ Triq il-Milord, u hemm ipparkja ħdejn ir-residenza tiegħu.
Fir-residenza għamel ftit inqas minn minuta u mar fejn it-triq tal-inċident. Niżel ‘gass down’ u fis-7.31.16 sek. instema’ argument jaħraq u fis-7.32.08 sek. instemgħu sitt tiri. Instema’ xi ħadd jgħajjat ersaq. Waqt it-tiri instema’ jidgħi u jgħidlu “oqgħod hemm” u kliem ħażin.
Zahra qal ukoll li saret tfittxija fir-residenza tiegħu fejn hemm instabu bullets tal-istess kalibru li ntużaw fid-delitt. Kif kienu se jressqu lill-akkużat xtaq jikkonsulta mal-avukat tiegħu u kien lest jikkopera fejn kienet l-arma.
Wara li tressaq marru fuq il-post fejn is-siġar tal-bamboo u l-akkużat indika fejn seta’ rema’ l-arma u tkompla jitqatta’ l-bamboo u fil-11am tal-1 ta’ Lulju, instabet arma tan-nar sewda antika li kien għad fiha żewġ rounds. Irriżulta li ġo fih il-vittma kellu żewġ tiri b’wieħed minnhom jispiċċa f’wiċċu.
Ix-xhud qal ukoll li l-vittma u l-imputat ma kixnu joqgħodu ‘l bogħod minn xulxin u li ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejniethom, u li l-akkużat ilu ftit xhur joqgħod hemm. L-Avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għall-familja tal-vittma, staqsa lill-ispettur jekk kienx hemm relazzjoni jew konoxxenza bejn l-akkużat u l-vittma.
L-Ispettur Kurt Zahra wieġeb li m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-irġiel kienu jafu lil xulxin qabel il-ġurnata tal-inċident. Madankollu, huwa żvela li waqt l-interrogazzjoni, Hamdan kien qal lill-Pulizija li Busuttil kien “kapitalist li jaħseb li jista’ jagħmel li jrid għax għandu l-poter”, u li għamel xi kummenti ġeneriċi kontra l-kapitaliżmu.
L-Avukat tad-difiża Mario Mifsud irrimarka li seta’ dam aktar minn siegħa u nofs biex jasal uffiċjal tal-LESA fuq il-post tal-inċident. L-Ispettur Zahra wieġeb li ċertament mhux daqshekk, iżda qal li għandu jivverifika d-dettalji.
L-Avukat Edward Gatt, ukoll qed jidher għad-difiża, staqsa jekk instemgħetx xi ħaġa oħra fil-‘footage’ mill-camera CCTV. L-Ispettur qal li tinstema’ konfrontazzjoni vokali bejn iż-żewġt irġiel, u li dan se jkun aktar ċar wara li jsiru titjib fis-smigħ tal-filmati.
Tixhed mart il-vittma
Xehdet ukoll l-armla ta’ Busuttil, Maria Mirjam Busuttil, permezz ta’ videolink minn kamra separata fil-Qorti. Viżibbilment emozzjonata l-mara ta’ nazzjonalità Olandiża bdiet tixhed bil-lingwa Ingliża. Hija qalet li l-akkużat beda jkellem ħażin lil żewġha waqt l-inċident. Hija qalet ukoll li l-warden kien inkwetat fuq is-sitwazzjoni.
Hija bdiet tgħid li fl-għodwa tal-inċident, għall-ħabta tas-6.45am, kienet flimkien ma’ żewġha u ommha, sejrin lejn iż-Żebbuġ biex jaraw lil binthom tilgħab il-volleyball. Hi kienet bilqiegħda fuq is-seat tal-passiġġier, żewġha kien isuq, u ommha kienet bilqiegħda warajhom.
Minħabba xogħolijiet fit-triq ewlenija, għażlu li jgħaddu minn triq rurali. Madwar ħames minuti wara li telqu mid-dar, seħħet il-ħabta. Raġel fuq mutur daħal kontra direzzjoni f’triq one-way u ġie f’kuntatt dirett mal-karozza tagħhom.
Hija qalet li żewġha waqqaf il-karozza u għamel sinjal lill-mutur biex jieqaf, iżda l-mutur baqa’ għaddej u daħal fil-karozza. Hija ħadet ritratti tal-mutur, u f’dak il-ħin uffiċjal tal-Pulizija għadda mill-post u deher li kien jaf lil tal-mutur.
“Mohamed, x’għamilt?” staqsieh l-uffiċjal, skont il-mara tal-vittma. Huma talbu lill-pulizija biex jittratta l-inċident, għax kienu jridu jilħqu l-partita tal-volleyball ta’ binthom, iżda l-uffiċjal qal li ma kinitx ġurisdizzjoni tiegħu u ċempel għal uffiċjal tal-LESA.
Wara li l-uffiċjal telaq, Hamdan sar aggressiv ħafna, qalet ix-xhud. Meta l-maġistrat staqsietha biex tiddeskrivi aktar fid-dettall, hija qalet li l-lingwaġġ tiegħu kien aggressiv, u li ma waqafx jgħajjat u jidgħi. “Probabbilment ma għamel xejn lil żewġi għax hu ‘big boy’,“ żiedet tgħid.
Qalet li minbarra l-kliem ħażin indirizzati lejn żewġha wara li sparalu beda jgħidlu “mut mut” fejn tenniet li sparalu lejn il-warda ta’ wiċċu u f’għonqu u tliet tiri oħra madwar ġismu. Qalet li żewġha għal xi ħin baqa’ fuq saqajh imma deher li kien skomdu u l-movimenti ta’ għajnejh dehru problematiċi u beda jitlef ħafna demm.
Hi spjegat kif saqet lil żewġha biex tipprova tara ssibx għajuna u kien fejn Tarġa Gap, fl-inħawi ta’ dik magħrufa bħala t-tela’ t’Alla u ommu li ltaqgħet ma’ ambullanza. Huwa mill-ewwel beda jiġi trattat fl-ambulanza, fejn f’temp ta’ ħames minuti ġiet ambulanza oħra li bdew jipprovaw jagħmluj minn kollox biex jitrattaw.
Huwa ttieħed l-isptar fejn għal tliet darbiet ipprovaw iħaddmu l-qalb tiegħu, imma kien kollu għal xejn. F’dan il-ħin il-mara tal-vittma bdiet tibki fejn reġgħet bdiet tesperjenza dak li għaddiet minnu hi u żewġha.
Hija qalet li meta l-akkużat beda jispara lil żewġha, lanqas bdiet temmen dak li kien qed jiġri – “kien qed jaqla t-tiri quddiem għajnejha”, qalet ix-xhud. Fuq mistoqsijiet tal-parte civile, sostniet li wara l-inċident, hi u ommha għenu lil żewġha, Jean Paul Busuttil, biex jidħol fuq is-seat ta’ wara tal-karozza.
Hi rrakkuntat kif neħħiet il-mutur minn nofs it-triq u bdiet issuq lejn l-isptar. F’dak il-ħin, temmen li l-akkużat kien diġà telaq minn fuq il-post. “Jean kien għadu wieqaf, imma d-dehra f’għajnejh kienet nieqsa… kien bħallikieku diġà telaq minn din id-dinja,” qalet b’emozzjoni kbira.
Fuq mistoqsija oħra x-xhud qalet li minbarra li saqet il-karozza ta’ żewġha għal għajuna biex tipprova ssalvah ċemplet ukoll in-numru tal-emerġenza 112 għal għajuna. Hija spjegat ukoll ir-rotta tagħha li ħadet għall-isptar sakem rat l-ambulanza u talbet l-għajnuna. Il-mara tal-vittma se tkompli tixhed fis-seduta li jmiss.
Ix-xhieda tagħha tagħti stampa qawwija u personali tal-mumenti ta’ paniku li seħħew wara l-isparatura fatali. semgħet dan il-każ b’attenzjoni kbira, hekk kif qed jiġu ppreżentati aktar dettalji dwar l-azzjonijiet tal-akkużat u l-konsegwenzi traġiċi tagħhom.
Il-vittma Jean Paul Busuttil, magħruf bħala Ta’ Bandallu, kien negozjant magħruf u wieħed mill-membri tal-familja wara l-kumpanija Francis Busuttil & Sons – attiva fl-importazzjoni u distribuzzjoni ta’ prodotti. Hu kien ukoll wieħed minn dawk li waqqaf il-kumpanija Luxury Living Technologies. Il-familja Busuttil għandha storja twila fil-kummerċ f’Malta u kienet involuta fil-ftuħ tal-fabbrika Foster Clark fl-1967.
Fl-ewwel dehra kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur it-tifla tal-vittma u membri oħra tal-familja. Il-prosekuzzjoni, qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Sarah Magri.
L-akkużat qed jiġi difiż mill-Avukati Edward Gatt, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud, filwaqt li għall-familja tal-vittma qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u David Farrugia Sacco. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn 14 ta’ Lulju f’nofs inhar.
//= $special ?>