Internazzjonali

L-Ukrajna: Issofri l-akbar burraxka ta’ drones u missili… bl-appelli ta’ Trump jaqgħu fuq widnejn torox

L-aħħar kundanna mill-Istati Uniti għal Vladimir Putin wasslet biex il-President tar-Russja jordna l-akbar attakki mill-ajru fuq l-Ukrajna mindu l-qawwiet tal-Kremlin invadew l-artijiet tal-Ukreni fi Frar tal-2022.

Fil-fatt, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, tenna li pajjiżu, fil-lejl tat-Tlieta, ġarrab l-agħar offensiva sal-lum – bir-Russi jikkonċentraw fuq Kiev u bliet oħra tal-Ukrajna. Mewġa ta’ attakki wara l-oħra li fihom intużaw viċin it-800 attack drones u kwantità ta’ missili cruise u ballistiċi.

Zelensky qal mill-ġdid li r-Russja ta’ Putin bl-ebda mod ma trid il-paċi, bl-aħħar attakki fl-istess perjodu tal-isforzi intensivi lejn waqfien mill-ġlied. Sforzi li r-Russja qed tinjorahom kontinwament u bl-aktar mod sfaċċat.

Jirriżulta wkoll li Putin u l-Kremlin huma urtati għall-konferma (din il-ġimgħa) mill-President Amerikan, Donald Trump, li l-Istati Uniti għandha tibgħat aktar armi sofistikati – inklużi missili tat-tip Patriot – lill-Ukreni. Dan fih innifsu jfisser U-turn ġdid minn Trump li, qabel, kien waqqaf il-kunsinni tal-armamenti għad-difiża tal-Ukrajna.

Trump, issa, qed jgħid li ‘Putin qed ikompli joqtol in-nies’ u li ‘l-Ukrajna qed issofri wisq taħt dawn l-attakki’. Hu saħaq li l-Istati Uniti, f’din is-sitwazzjoni, ma tistax iżżomm lura milli tibgħat il-missili għad-difiża tal-Ukreni li qed iħabbtu wiċċhom kuljum mal-attakki bla heda.

Donald Trump anki esprima s-sens ta’ frustrazzjoni dwar l-aġir tal-President Putin li, fi kliemu, ‘qed jipprova jgħaddi lil kulħadd biż-żmien’. Hu qal li l-Mexxej Russu dejjem kien rispettuż fil-konfront tiegħu iżda issa qed jinduna wkoll li kliemu, waqt in-negozjati, ‘ma sar fihom l-ebda sustanza’. Dan waqt li Putin għadu s’issa jinjora l-appelli ta’ Trump għall-waqfien tal-konflitt fl-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin, qal li l-President Trump qed jitkellem b’mod aħrax wisq fil-konfront tar-Russja. Dan meta Trump qed jidher li tilef is-sabar wara li l-kuntatti regolari ma’ Putin mhux talli ma wasslux għal waqfien mill-ġlied iżda donnhom kienu l-ixprun għall-burraxka ta’ attakki storiċi fuq l-Ukrajna.

Mistenni, issa, li s-Segretarju Amerikan għad-Difiża, Pete Hegseth, ineħħi s-sospensjoni tal-għajnuna militari lill-Ukrajna. Żvilupp li għandu jwassal għat-trasferiment ta’ malajr tal-missili Patriot lill-Ukreni biex jiddefendu ruħhom aħjar kontra l-assedju mill-ajru fuq pajjiżhom.

Dawn l-armamenti, magħrufin bħala interceptor missiles, huma kruċjali għall-Ukreni biex jinnewtralizzaw id-drones u l-missili li qed ikunu sparati lejn l-Ukrajna b’intensità kontinwa.

Fl-istess ħin, l-ebda belt Ukrena ma ħelset minn dan l-assedju, bil-belt ta’ Lutsk, li tinsab 90 kilometru mill-fruntiera mal-Polonja, iġġarrab l-akbar impatt tad-drones u l-missili tal-Kremlin.

Din il-belt qed isservi wkoll bħala hub għall-movimenti tal-għajnuna militari u umanitarja – u  meta fl-aħħar sigħat kien hemm anki sensiela ta’ splużjonijiet kbar fl-ibliet ta’ Lviv u Rivne lejn il-Punent tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin, il-militar Russu qed jirranka l-offensiva tas-sajf’’ qalb it-territorji Ukreni tal-Lvant – bi Dmitry Peskov itenni li Moska tinsab determinata biex tirrealizza t-tragwardi militari kollha. L-aħħar kumment ta’ Peskov kien li ‘l-Ukreni, kuljum, qed ikollhom jaċċettaw ir-realtajiet ġodda ta’ din il-gwerra.’