Opinjoni

OPINJONI: Nifhmu t-tkabbir tal-popolazzjoni

Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Malta hija wieħed mill-iktar pajjiżi densament popolati fl-Ewropa u fl-istess waqt hija destinazzjoni turistika popolari ħafna.

Matul dawn l-aħħar snin madankollu, rajna żieda sostanzjali ta’ barranin fostna, li ovvjament qiegħed ikollu ħafna aktar effett fuq l-ispazju tagħna.

Minħabba f’hekk, Malta qed tiffaċċja pressjoni dejjem tikber fuq l-infrastruttura, fuq l-ambjent u wkoll fuq it-tessut soċjali tagħha.

Studju dwar il-kapaċità massima, dak li nirreferu għaliha bħala ‘carrying capacity study’ – jiġifieri analiżi xjentifika li tiddetermina kemm jista’ jżomm pajjiż b’mod sostenibbli mingħajr ma tiddeterjora l-kwalità tal-ħajja jew ir-riżorsi naturali, għalhekk huwa essenzjali. Mingħajru, il-politika ssir biss abbażi ta’ konvenjenza politika u mhux abbażi tal-evidenza.

It-tkabbir rapidu fil-popolazzjoni

F’dawn l-aħħar snin, Malta rat tkabbir rapidu fil-popolazzjoni, kemm minħabba żieda ta’ residenti kif ukoll żieda sostanzjali fit-turiżmu, mertu tal-Gvern, kemm fl-aspett pożittiv kif ukoll fl-aspett negattiv. Dan qiegħed iġib miegħu aktar toroq iffullati, aktar pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, problemi ta’ skart u ta’ trasport pubbliku – hekk kif kollox donnu mhux ilaħħaq mad-domanda.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jwissi li l-infrastruttura naqset milli timxi mal-bidliet demografiċi, u dan qiegħed iwassal għal konġestjoni fit-toroq (minkejja kull proġett infrastrutturali) u sfidi kbar oħrajn prattikament f’kull qasam u settur.  Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza dejjem dwar ippjanar aħjar u fit-tul.

Il-valur ewlieni ta’ Malta jinsab fil-komunitajiet u fl-ambjent tipiku tagħha. Imma hekk kif id-densità tal-popolazzjoni qiegħda tkompli tiżdied, il-Maltin qegħdin iħossuhom taħt pressjoni dejjem akbar: inqas spazji ħodor, aktar traffiku, aktar kjuwijiet fl-isptar, aktar klassijiet iffullati fl-iskejjel tagħna u aktar postijiet pubbliċi ffullati.

B’hekk, nifhmu għaliex il-Partit Nazzjonalista jitkellem ħafna dwar it-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja għaliex l-ambjent ta’ madwarna, inkluż dak urban, sejjer dejjem għall-agħar. Dan in-nies qiegħda tħossu u minħabba f’hekk irridu direzzjoni ġdida, aktar konkreta bażata fuq soluzzjonijiet li mhumiex populisti jew temporanji.

Riperkussjonijiet negattivi

Biż-żieda fit-turiżmu, il-popolazzjoni tagħna fis-sajf tisplodi. Minkejja li dan huwa fattur ekonomiku tajjeb, għandu wkoll ir-riperkussjonijiet negattivi tiegħu. Dan kollu joħloq pressjoni fuq l-ajruport, l-akkomodazzjoni, il-provvista tal-ilma u tal-enerġija, fuq is-sistema tad-drenaġġ u fuq kollox fit-toroq.

Hawnhekk allura nifhmu l-importanza li fil-pajjiż hawn bżonn studju speċifiku dwar il-kapaċità massima fit-turiżmu, b’mod partikolari f’zoni sensittivi bħall-Blue Lagoon f’Kemmuna u oħrajn.

Matul il-ġimgħa li għaddiet kellmuni xi nies dwar il-bajjiet tal-Għadira li litterament qegħdin ikunu ppakkjati bħal qatt qabel.

L-ippjanar f’Malta għandu jkun imsejjes fuq strateġiji u pjanijiet studjati (u pubblikati fl-interess pubbliku) u mhux minn pressjonijiet politiċi jew short-term. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qed jopponi għall-emendi fil-pjanijiet lokali f’zoni bħall-bajja ta’ San Ġorġ u Paceville sakemm jitlesta u jiġi pubblikat l-istudju dwar il-kapaċità massima.

L-istess għandu jsir għal kull lokalità biex l-iżvilupp isir b’mod sostenibbli u skont pjan li jindirizza dawk l-istess lokalitajiet. Il-PN jemmen li l-ippjanar għandu jkun imsejjes fuq l-istudji xjentifiċi u xejn aktar. L-istudji dwar il-kapaċità massima għandhom ikunu l-ewwel pass – segwiti minn pjanijiet dettaljati u investiment f’zoni identifikati f’riskju qabel ikun tard wisq.

Studji xjentifiċi f’kull lokalità

Għahekk, il-PN wiegħed li jressaq mozzjonijiet fil-kunsilli lokali kollha biex jinbdew uffiċjalment studji xjentifiċi dwar il-kapaċità massima f’kull lokalità, bħal kif wiegħed wara l-elezzjonijiet lokali.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-pajjiż ikejjel il-kapaċità fl-infrastruttura, fis-saħħa, fit-traffiku, fil-konsum tal-ilma, fir-rimi tal-iskart, fl-ispazji pubbliċi u fl-iskejjel – u jara fejn dawn il-limiti diġà qegħdin jinqabżu biex ikunu indirizzati. Fl-istess waqt qed jitlob li kull studju li jkun sar – bħal dak dwar Kemmuna – jitpoġġa għad-diskussjoni pubblika sabiex jinbena kunsens u fiduċja mal-pubbliku.

Ir-riżultati tal-istudji għandhom jitpoġġew fil-pjanijiet lokali u nazzjonali, u mhux jiġu injorati b’żviluppi frammentati u mhux koordinati. Imbagħad wara li l-istudju jidentifika l-isfidi, il-PN jipproponi li jitfasslu masterplans għal kull lokalità – li jinkludu spazji ħodor, kontroll tal-għoli tal-binjiet, disinn urban, u allokazzjoni ta’ fondi għall-implimentazzjoni tagħhom (inklużi dawk mill-iżvilupp u taxxi ambjentali).

Jidhirli li Malta tinsab f’mument deċiżiv. Iż-żieda fil-popolazzjoni, jekk mhux se tkun kontrollata, tista’ twassal għal ħsara permanenti fil-kwalità tal-ħajja u fl-ambjent b’tali mod li dan ikun irreparabbli.

Dan li qiegħed jitkellem dwaru l-Partit Nazzjonalista ma għandux jitqies bħala opportunità politika imma bħala opportunità nazzjonali. B’hekk biss nistgħu nissalvagwardaw il-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-futur. Ebda argument relatat mat-tkabbir fil-popolazzjoni ma għandu jkun immirat għall-kritika dwar razziżmu, għaliex din hija kwistjoni nazzjonali.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 9 ta’ Lulju, 2025.