UEFA Champions League, l-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni, l-ewwel leg | FK Žalgiris vs Ħamrun Spartans 2-0
B’żewġ gowls skorjati fit-tieni taqsima, iċ-champions Ħamrun Spartans tilfu l-ewwel leg, fl-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League kontra FK Žalgiris tal-Litwanja bl-iskor ta’ 2-0.
Ir-riżultat finali jista’ jitqis bħala wieħed iebes għat-tim Malti, fejn kif tikkonferma l-istatistika fit-tmiem tal-logħba, iż-żewġ naħat qasmu l-logħba bejnithom, bid-differenza li ċ-champions Litwani approfittaw mill-okkazzjonijiet ta’ skor li kellhom fuq in-naħa tagħhom u qabel it-tieni logħba li jridu jilgħabu kontra l-Ħamruniżi f’Ta’Qali, huma fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls fuq l-iskwadra ta’ Giacomo Modica.
Ħamrun Spartans kellhom ħames xuttijiet indirizzati fil-lasta avversarja, wieħed aktar milli kellhom FK Žalgiris u l-pusses tal-ballun tul id-90 minuta logħob kien nofs bin-nofs.
Il-gowlkiper mill-Venezwela, Carlos Olses tal-Litwani kellu jwettaq tliet saves tul il-logħba, kontra ż-żewġ saves li wettaq Henry Bonello ta’ Ħamrun Spartans.
Sa minn qabel il-bidu tal-logħba, f’Vilnius bdiet nieżla x-xita, fattur li kompla jagħmel il-partita aktar fiżika għaż-żewġ naħat, b’tempo għoli. Wara taqsima mingħajr gowls, fit-tieni 45 minuta, ir-Rumen Liviu Antal fetaħ l-iskor b’azzjoni fid-59 minuta.
Ħames minuti mit-tmiem tad-90 minuta, FK Žalgiris aċċertaw mir-rebħa meta kien il-midfielder ta’ 25 sena, Kasim Haji mill-Comoros li xeħet wara Bonello għat-tieni gowl tal-Litwani għal skor finali ta’ 2-0.
Riżultat li xi ftit jew wisq iebes għall-mod ta’ kif lagħbu Ħamrun Spartans fid-debutt tal-kowċ Taljan, Giacomo Modica. Fl-istess waqt ir-riżultat finali m’huwiex wieħed li għandu jaqta’ qalb il-Ħamruniżi mill-possibiltá li għad jistgħu iddawru kollox favur tagħhom u jkunu huma li jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni, meta t-tnejn jerġgħu jilgħabu kontra xulxin, nhar it-Tlieta li ġej, 15 ta’ Lulju, fl-Istadium taċ-Ċentinarju.
//= $special ?>