Internazzjonali

Stati Uniti: Tfittxija fit-tul għall-għexieren tal-vittmi tal-għargħar f’Texas

Tal-anqas 161 persuna għadhom irrappurtati nieqsa, jiem wara l-għargħar storiku li, il-ġimgħa l-oħra, straxxna medda ta’ territorju fl-Istat ta’ Texas. Dan bħala parti minn fenomenu naturali li l-konsegwenzi tiegħu għadhom qed jinħassu.

Filwaqt li l-awtoritajiet għall-emerġenzi huma determinati biex ikomplu bit-tfittxija għan-nieqsa, ftit huma t-tamiet li se jinstabu l-ħajjin fost l-għexieren tal-mitlufa.

Fil-fatt, in-numru tal-mitlufa żdied skont l-aħħar aġġornamenti. Dan fost indikazzjonijiet li tal-anqas ħamest itfal oħra u counsellor li kien fost l-organizzaturi ta’ kamp tas-sajf (għat-tfal) huma wkoll fost il-vittmi. Hu ċert, intant, li mietu 30 persuna (fil-parti kbira nett tfal) li kienu qed jattendu dan is-summer camp li s-sit tiegħu spiċċa mgħarraq fi kwistjoni ta’ minuti.

Hu wkoll ikkonfermat li l-għargħar tal-4 ta’ Lulju – li ħalla straġi enormi fl-inħawi ta’ Kerrville u Kerr County – irriżulta f’aktar minn 110 fatalità,

Dan meta l-inżul tax-xita qawwija wasslet biex il-livelli tax-Xmara Guadalupe jitilgħu b’tal-anqas tmien metri f’anqas minn siegħa.

It-tfittxija għan-nieqsa, intant, mistennija tkompli sal-aħħar tal-ġimgħa.