Toroq maqlugħin, bankini mkissra, inġenji kbar, trabijiet u periklu enormi. Qisna qegħdn fit-toroq tal-gwerra.
Huwa dan il-mod li bih tkellmu magħna n-nies li jgħixu fi Triq il-Franġiskani fil-Ħamrun – sitwazzjoni li qed testendi sal-Imsida u Tal-Pietà, u li ilha hekk mill-bidu ta’ Settembru – sitwazzjoni li qed taffettwa anke n-negozji li hemm f’dawn it-toroq.
Net News tkellem ma’ diversi residenti, li lkoll qablu li din is-sitwazzjoni hemm bżonn li titranġa hekk kif jinsabu skjavi fi djarhom stess.

Residenta spjegatilna li tliet persuni weġġgħu minħabba li tarmak fit-toroq mhux invellat, filwaqt li sewwieq ta’ mutur ukoll spċċa weġġa’ minħabba dan l-inkonvenjent.
Mhux hekk biss; iżda numru ta’ residenti f’dawn it-toroq spiċċaw ma jistgħux joħorġu, jew għax jibżgħu li jweġġgħu, jew għax il-bankina ma tistax timxi fuqha. Dan apparti li ta’ kuljum qed ikollhom jesperjenzaw ħafna trab, li jaffetwa l-kwalità tal-arja f’din iz-zona.
Inizjalment il-proġett beda meta kellu jsir xi xogħol ta’ manutenzjoni u trinka ġdida tad-dawl, u eventwalment kellha ssir manutenzjoni mill-Water Services Corporation.
U filwaqt li r-residenti jifhmu li dan ix-xogħol għandu jsir, huma jinsabu inkwetati ferm għaliex il-ħidma mhix għaddejja b’mod kontinwu; apparti l-fatt li kemm-il darba triq tingħata t-tarmak u terġa’ tinqala’ wara ġimgħa.
Net News tkellem ukoll ma’ sid ta’ negozju fi Triq il-Franġiskani li ilmentat kif in-negozju mar lura mindu beda x-xogħol, u barraminhekk il-konsumaturi jkollhom jipparkjaw ‘il bogħod hekk kif f’Mejju ħarġu avviżi jinfurmaw ir-residenti li ma jista’ jsir l-ebda parkeġġ.
Numru ta’ residenti ilmentaw ukoll dwar ir-riħa ta’ drenaġġ f’dawn it-toroq, u dwar l-inġenji li qed jostakolaw it-toroq, hekk kif spiċċaw f’sitwazzjoni li la jistgħu jimxu fuq il-bankina u lanqas mal-ġenb tat-triq.

Inkwetanti wkoll li matul illejl lanqas hemm dawl, f’toroq li huma mimlija gandotti. Sitwazzjoni li fi kliem ir-residenti stess hemm bżonn li titranġa minnufih.
