Lokali

Waqt li l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali ilu kważi sentejn bil-bibien magħluqa, il-Gvern iniedi servizz ta’ emerġenza li diġà kien jeżisti – PN

Wara lmenti minn attivisti tal-annimali u mill-pubbliku, iħabbar b’pompa servizz veterinarju ta’ emerġenza meta dan ilu jingħata 12-il sena, u jammetti li dan se jimla l-vojt tal-isptar tal-annimali sakemm jinfetaħ mingħajr ma jgħidilna meta dan se jerġa’ jiftaħ

Il-Gvern donnu ma jafx li f’Malta diġà jeżisti servizz ta’ emerġenza fejn wieħed jista’ jċempel wara l-ħin normali tax-xogħol u anke fil-weekends jekk jinqala’ xi ħaġa lill-annimali tagħna.

Fl-aħħar jiem il-Gvern ħabbrilna b’pompa kbira li qed iniedi servizz ġdid  veterinarju ta’ emerġenza li se jkun disponibbli 24 siegħa kuljum, imma dan huwa servizz li ilu hemm ’il fuq minn 12-il sena. Wieħed diġà jista’ jċempel fuq numru ta’ emerġenza u fuq bażi ta’ rotazzjoni jsib il-veterinarju li jkun imissu xogħol dakinhar biex jinqeda mingħandu.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali, li għadu bil-bibien magħluqin, ix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali Janice Abela Chetcuti u l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Andrew Agius – li huwa veterinarju – spjegaw kif b’dan is-servizz il-Gvern mhu se jkun qed jagħmel xejn ħlief li jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar, għax kif ammetta hu stess, dan is-servizz se jkun qed jiġi offrut sakemm jinfetaħ l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali li f’Awwissu jagħlaq sentejn magħluq.

Wara li ngħalaq f’Awwissu tal-2023, il-Gvern kien wiegħed li dan l-isptar – li kien infetaħ minn Gvern Nazzjonalista 13-il sena ilu – kellu jerġa’ jiftaħ f’Ottubru li għadda, imma issa għaddiet kważi sena u għadu bil-bibien magħluqa.

Fl-aħħar jiem membri tal-pubbliku u attivisti tal-annimali lmentaw dwar in-nuqqas ta’ sptar tal-annimali f’pajjiżna u tkellmu dwar il-ħtieġa urġenti li jinfetaħ dan l-isptar li l-Gvern ilu x-xhur jgħid li se jerġa’ jinfetaħ.

Huwa ċar li dak li għamel il-Gvern il-ġimgħa l-oħra kien intenzjonat biss biex jidher li taparsi saret xi ħaga, bil-Ministru Anton Refalo jaqbad u jħabbar dan is-servizz ta’ malajr biex għal darba oħra juri li qed jindirizza l-ilmenti kontinwi mis-sidien tal-annimali domestiċi f’pajjiżna.

Imma minflok tana l-garanzija li l-isptar f’Ta’ Qali se jinfetaħ ma jdumx, u minflok qalilna dan meta se jiġri, il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali ħabbrilna servizz li diġà jeżisti. Agħar minn hekk, minbarra li din l-iskema diġà hija eżistenti u allura ma hemm xejn ġdid, se tillimita s-servizz minflok iżżid fuq dak li hemm illum, għax fi kliem il-Gvern stess, dan issa se jkun offrut fuq bażi ta’ rotazzjoni fi tliet reġjuni – f’Għawdex, fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar, b’kollox jiddependi skont kemm japplikaw kliniċi veterinarji. Dan apparti l-fatt li fit-Tramuntana ta’ Malta ma teżisti l-ebda klinika veterinarja, waqt li f’Għawdex hemm biss tliet kliniċi veterinarji li biex jagħmlu rotazzjoni bejniethom iridu jipparteċipaw kollha f’din l-iskema. Fi kliem ieħor il-Gvern qed joffri skema li hu stess jaf li hi destinata biex tfalli.

L-istess attivisti tal-annimali diġà lmentaw ukoll dwar is-servizz suppost ġdid li ġie mniedi u kkritikaw il-fatt li mhux qed jingħad meta se jibda dan is-servizz li l-espressjoni tal-interess li nħarġet għalih tagħlaq illum, li għadhom iridu jiġu evalwati dawk li se japplikaw, u li min se jintgħażel għad irid jiddiskuti mal-Gvern il-kundizzjonijiet. Mis-sejħa ma joħroġx ċar lanqas jekk is-sistema suppost ġdida hux se tkun waħda li toffri servizz 24 siegħa kuljum, inkella servizz ta’ on call kif inhi llum.

Il-kelliema spjegaw ukoll li dan is-servizz ġdid li qed jgħid li ħabbar il-Ministru, xorta ma jsolvix problema li hemm illum – dik li l-ebda klinika veterinarja f’Malta jew Għawdex ma tista’ żżomm annimali wara l-ħin tal-għeluq tal-istess klinika biex l-annimali jkomplu jingħataw it-trattament meħtieġ. B’hekk ħafna servizzi mediċi li jingħataw mill-isptar tal-annimali xorta ma jistgħux jingħataw minn dawn il-kliniċi.

Ostaklu ieħor hu l-fatt li jinħela ħafna ħin sakemm wieħed jiskopri min hu l-veterinarju tal-emerġenza li jista’ jmur għandu, dan il-veterinarju jiftaħ il-klinika u dak li jkun jasal għandu. F’każi bħal dawn kull minuta tkun kruċjali għas-saħħa tal-annimal u f’sitwazzjoni ta’ emerġenza li jkun għaddej minnha l-annimal tiegħu wieħed ma jkunx jista’ jaqbad u jieħu l-annimal domestiku tiegħu għall-kura bla telf ta’ ħin. Dan jista’ saħanistra jwassal biex l-annimal korrut ibati konsegwenzi gravi, li jistgħu f’ċerti każi jkunu fatali.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li pajjiżna għandu gvern li sal-lum għadu ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni innovattiva fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali. Mhux talli hekk, imma talli tort tal-istess Gvern Laburista, l-uniku sptar tal-annimali li kellu pajjiżna – proġett siewi u effettiv – dalwaqt jaqgħlaq sentejn magħluq u fi stat żdingat, bl-ebda indikazzjoni ta’ meta se jerġa’ jibda joffri s-servizzi tiegħu.