Lokali Qorti

“Akkużi ġodda ta’ frodi kontra Jimmy Magro huma preskritti”: L-avukati tad-difiża

L-avukati ta’ Jimmy Magro, Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, argumentaw fil-Qorti li l-akkużi l-ġodda ta’ frodi u falsifikazzjoni kontrih huma preskritti, jiġifieri li skada ż-żmien li fih il-prosekuzzjoni setgħet tipproċedi legalment.

Magro tressaq il-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa akkużat b’diversi reati ta’ frodi, falsifikazzjoni u dikjarazzjonijiet foloz, aggravati minħabba l-fatt li kien uffiċjal pubbliku meta allegatament twettqu. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Il-każ għadu ma ġiex spjegat fid-dettall fil-pubbliku.

Fil-Qorti nhar il-Ħamis, l-avukat tad-difiża Franco Debono sostna li erba’ mill-ħames akkużi għandhom jitwaqqgħu peress li huma preskritti, fosthom dawk relatati ma’ qligħ frodistiku, falsifikazzjoni, u dikjarazzjonijiet foloz.

Dan ifisser li, skont id-difiża, għadda ż-żmien massimu stabbilit mil-liġi biex il-prosekuzzjoni tista’ tipproċedi bil-każ. Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Rennie Stivala, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, ikkontesta dan l-argument u sostna li l-akkuża ewlenija ta’ frodi għadha valida u mhix preskritta.

Il-Qorti qalet li se tara l-provi qabel tiddeċiedi jekk dawn l-akkużi humiex preskritti. L-avukat tad-difiża, Franco Debono, insista li l-akkużi kollha jistgħu jkunu preskritti, u talab lill-prosekuzzjoni biex tipprovdi d-dati eżatti meta allegatament twettqu r-reati.

Id-difiża ddettat nota fil-proċess fejn formalment qajmet il-kwistjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward ta’ kull akkuża. L-Avukat Debono qal li jifhem li l-prosekuzzjoni għamlet xogħolha, iżda nnota li l-każ huwa marbut ma’ proċeduri oħra li għadhom għaddejjin fil-Qorti, u għalhekk is-sitwazzjoni hija kumplessa u marbuta ma’ każijiet oħra.

Is-Supretendent Rennie Stivala, f’isem il-prosekuzzjoni, wieġeb li l-preskrizzjoni tibda l-effett tagħha mid-data meta l-Pulizija ssir taf bir-reat, mhux mid-data meta seħħ. Spjega li l-Awtorità tal-Verifika Interna u l-Investigazzjonijiet (IAID) kienet ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Avukat Ġenerali (AĠ), u l-Pulizija ġew infurmati mill-AĠ f’Settembru tal-2016.

F’seduta preċedenti ħareġ li l-IAID kienet ippreżentat ir-rapport f’Ġunju tal-2016. Stivala kkonferma wkoll li wieħed mix-xhieda tal-prosekuzzjoni għandu proċeduri oħra pendenti fil-Qorti, u huwa mistenni jixhed f’dan il-każ.

Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil iddikjarat li l-Qorti se tikkunsidra l-provi qabel toħroġ deċiżjoni dwar jekk l-akkużi humiex preskritti jew le. Il-kawża ġiet aġġornata għal nhar it-Tnejn.

F’April li għadda, Magro kien instab ħati ta’ korruzzjoni f’każ separat relatat ma’ kuntratt pubbliku ta’ €250,000 għax-xiri ta’ tagħmir għat-twettiq ta’ skart fl-2014, meta kien konsulent speċjali tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Magro appella minn din is-sentenza, li kienet ta’ erba’ snin u tmien xhur ħabs.

F’dan il-każ il-“ġdid” is-Supretendent Rennie Stivala qed imexxi l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono, Michael Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Jimmy Magro.