Futbol Sport

Clayton Failla mhux se jibqa’ ma’ Mosta… id-destinazzjoni probabbli hi Gżira United

Clayton Failla
Clayton Failla

Wara ħames snin ma’ Mosta, l-eks plejer internazzjonali Malti Clayton Failla, ħabbar it-tmiem ta’ kapitlu sabiħ u li se jibqa’ mfakkar fl-istorja tal-klabb. Il-winger difensiv, li kapaċi jilgħab fi rwol offensiv, mistenni jibda esperjenza ġdida ma’ klabb ieħor hekk kif dan is-sit jista’ jikkonferma li l-plejer ta’ 39 sena, mhux se jkun qed jirtira mil-logħba.

Kmieni dalgħodu, Failla kiteb fuq il-midja soċjali tiegħu, biex jagħmilha uffiċjali li mhux se jkun qed iġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Mosta u se jkun qed jibda avventura ġdida.

“Nixtieq nirringrazzja sinċerament lill-komunitá kollha ta’ Mosta FC — kowċis, plejers, partitarji, u kull min hu involut — għar-rispett u l-appoġġ bla heda li urejtuni matul dan il-vjaġġ kollu tiegħi magħkom,” qal Failla.

L-eks plejer ta’ diversi klabbs, primarjament, Hibernians, fakkar fuq kif dawn il-ħames snin li hu għamel ma’ Mosta, kien hemm tragwardi importanti u li se jibqgħu memorabbli, li kienu milħuqa u se jibqgħu mmniżlha b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-klabb Mosti.

“Flimkien, ksibna xi stadji importanti li ma jintesewx: għamilna l-istorja billi ksibna kwalifikazzjoni għall-kompetizzjoni Ewropea għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb, u l-aktar riċenti spiċċajna darbtejn mal-ewwel sitta, fiż-żewġ rawnds tal-Malta Premier fl-istaġun li għadu kemm intemm. Dan kolllu kien ta’ unur għalija, għaliex kont parti minn dan il-kapitlu sabiħ,” temm jgħid Failla.

Ma’ Mosta, Failla lagħab ‘il fuq minn 113-il partita, skorja 26 gowl u serva 28 assist. F’April li għadda, Failla laħaq tragward importanti fil-karriera tiegħu, meta lagħab il-500 logħba tal-karriera tiegħu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

Intant id-domanda li ħafna bir-raġun jistaqsu hi, liema hi d-destinazzjoni li jmiss u possibbilment l-aħħar waħda tal-karriera ta’ Failla bħala plejer?

Net Sports hu infurmat li diġà kien hemm klabbs tal-Malta Premier li esprimew l-interess tagħhom fl-akkwist ta’ Failla, li minkejja l-etá tiegħu, il-prestazzjonijiet li kompla juri anke sal-istaġun li għadu kemm intemm, kienu l-akbar konferma li l-etá m’hijix problema għaż-Żabbari.

Madankollu jidher li l-aktar klabb li jinsab qrib li jista’ jikseb il-firma ta’ Failla huma Gżira United, li dan l-istaġun se jkunu taħt it-tmexxija tal-kowċ Clive Mizzi. Il-maroons kienu diġà viċin li jakkwistaw lil Failla fil-passat, iżda issa jidher li din id-darba l-possibbiltá li l-winger li jilgħab l-aktar fuq ix-xellug, jissieħeb mal-Gżirjani hi aktar possibbli.

Hu mifhum li Failla mistenni jieħu deċiżjoni dwar il-futur tiegħu f’qasir żmien.