Il-bieraħ Ħamrun Spartans fetħu l-impenji tagħhom fil-UEFA Champions League bl-ewwel partita minn tnejn kontra FK Žalgiris, champions tal-Litwanja. Minkejja l-wirja pożittiva mill-Ħamruniżi, fi stadium li jesa’ mal-5,000 partitarju u li kellu attendenza fil-ġurnata ta’ ftit aktar minn 3,000 ruħ, kienu l-avversarji tal-Maltin li ħarġu rebbieħa 2-0.
Iż-żewġ gowls kienu skorjati fit-tieni taqsima u r-riżultat finali jista’ jitqies bħala wieħed kiefer maċ-champions Maltin, speċjalment għal dak li kienu kapaċi juru tul id-90 minuta logħob.
Madankollu, FK Žalgiris irnexxielhom jistruttaw l-okkażjonijiet ta’ skor li ġew fuq in-naħa tagħhom, u anke ħatfu ċ-ċans li jieħdu vantaġġ mill-iżbalji minimi ta’ Ħamrun Spartans.
Ir-riżultat ta’ 2-0 m’għandux jaqta’ qalb il-plejers u partitarji ta’ Ħamrun Spartans li nhar it-Tlieta li ġej, 15 ta’ Lulju, jilagħbu l-logħba ta’ ritorn fl-Istadium taċ-Ċentinarju, f’Ta’Qali.