Internazzjonali

Gaza: Aktar tfal jispiċċaw vittmi tal-gwerra

Numru ieħor ta’ tfal u nisa kienu fost 20 Palestinjan li nqatlu waqt attakk ieħor mill-militar Iżraeljan f’Gaza. Azzjoni diretta fuq l-inħawi viċin zona għat-tqassim tal-mediċina fil-belt ta’ Deir al-Balah u li saret meta l-vittmi kienu qed jistennew biex jingħataw is-supplimenti tas-saħħa mingħand il-paramediċi fiz-zona.

Il-militar Iżraeljan qal, wara, li l-attakk kien dirett kontra ‘grupp tat-terroristi tal-Ħamas’ fl-istess zona waqt li esprima dispjaċir ‘għal sitwazzjoni fejn xi individwi innoċent ili setgħu batew il-konsegwenzi’. Kelliema għall-Armata qalu wkoll li kienu qed jinvestigaw l-iżviluppi relatati mal-inċident.

Intant, madwar 30 Palestinjani oħra wkoll tilfu ħajjithom waqt azzjonijiet different mill-militar ta’ Iżrael.

Dan waqt li d-delegazzjonijiet ta’ Iżrael u l-grupp Palestinjan Ħamas kienu qed ikomplu bin-negozjati għal ftehim dwar waqfien mill-ġlied f’Gaza u li jippermetti wkoll għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-Ħamas.

Sadanittant – u minkejja l-ottimiżmu tal-Istati Uniti li, l-istess bħall-Qatar u l-Eġittu, qed isservi bħala medjatur fin-negozjati (li qed isiru f’Doha) – iż-żewġ delegazzjonijiet għadhom ‘il bogħod sew minn xi żblokk deċiżiv.