Lokali

“Għal darba oħra Robert Abela jagħżel li jkun kontra Jean Paul Sofia u kontra l-poplu Malti u Għawdxi” – Il-PN

Jerġa’ jagħżel lil tal-qalba fuq in-nies, u jkompli jikkonferma li ma tgħallem xejn mill-mewt ta’ Sofia

Dak li żvelat illum it-Times of Malta – li l-Prim Ministru bidel il-Ministru tal-Artijiet sempliċiment biex isib Ministru ieħor li jaqbel miegħu li jdaħħal lura f’awtorità tal-Gvern persuna akkużata bil-qtil ta’ Jean Paul Sofia – jikxef min hu verament Robert Abela.

L-insensittività tiegħu diġà rajnieha meta għal xhur sħaħ baqa’ jsabbat saqajh u jirrifjuta inkjesta pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia. Robert Abela qed ikompli jikkonferma li ma tgħallem xejn minn din it-traġedja.

IPN qal li l-martirju li għadda minnu lill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia ma jfisser assolutament xejn għal Robert Abela tant li lest jerġa’ jgħaddi lil familji oħrajn mill-istess martirju. U biex jagħmel dan qed iħallas minn flusna.

Abela l-ewwwel irreżista bil-qawwa kollha l-Inkjesta Pubblika, imbagħad rikeb fuq il-karru tagħha u tgħidx kemm wiegħed li se jinbidlu l-affarijiet. Illum nafu li kulma biddel kien il-Ministru li ma qabilx miegħu. In-nies akkużati li qatlu lil Jean Paul Sofia hemm għadhom.

Il-PN sostna li minkejja l-ħafna paroli, meta ġie il-mument tal-prova, Robert Abela għal darba oħra reġa’ għażel li jkun kontra Jean Paul Sofia, il-familja tiegħu u l-poplu kollu Malti u Għawdxi.

Abela ma tgħallem assolutament xejn.