Il-Gvern qiegħed jestendi l-moratorju fuq il-ġbir tar-rizzi għas-sentejn li ġejjin sabiex ikompli jsaħħaħ ir-riġenerazzjoni mill-ġdid ta’ dan l-ispeċi.
Il-moratorju, estiż sas-7 ta’ Lulju 2027, huwa bżonjuż sabiex l-isforzi ta’ dawn is-sentejn ikomplu jissaħħu u b’hekk tkompli tiżdied il-popolazzjoni tar-rizzi, kreatura kostali li għandha rwol importanti għall-bilanċ tal-ekosistemi tal-baħar.
L-estensjoni qed issir abbażi ta’ monitoraġġ xjentifiku li għaddej fuq 10 siti differenti. Dan l-istħarriġ juri li filwaqt li kien hemm żieda fil-popolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’madwar 60% tas-siti, għad fadal bżonn aktar żmien sabiex f’zoni oħra jkun hemm titjib.
Il-monitoraġġ juri li l-popolazzjoni tar-rizzi ma żdiditx b’mod sostenibbli kullimkien, u għaldaqstant l-estensjoni tal-moratorju joffri aktar spazju biex jintlaħaq dan il-għan. L-aktar żieda sinifikanti kienet ta’ rizzi b’daqs ta’ bejn tnejn u erba’ ċentimetri. Peress li r-rizzi jikbru b’rata ta’ madwar ċentimetru jew tnejn fis-sena, dan l-eżerċizzju jikkonferma l-potenzjal tal-irkupru u kif l-estensjoni tal-moratorju tagħti spazju lir-rizza tkompli tikber.
Matul il-moratorju, inġabru u ġew studjati għadd ta’ rizzi tal-ikel (purple sea urchins) mill-Aġenzija Aquatic Resources Malta (ARM) bħala parti minn proġett ta’ riċerka u konservazzjoni. B’kollaborazzjoni ma’ Stella Mare tal-Università ta’ Korsika, l-ARM qed timplimenta metodi ġodda u innovattivi li se jippermettu t-tnissil, it-tifqis, it-tkabbir u l-istokkjar mill-ġdid tal-ispeċi, biex jiġu rritornati fil-post oriġinali tagħhom.
Filwaqt li l-ERA se tkompli l-istudji tagħha matul il-moratorju tas-sentejn li jmiss, il-Compliance u Enforcement Unit tal-Awtorità kompliet ħidmietha sabiex twaqqaf il-ġbir illegali tar-rizzi. Għal dan il-għan, ir-regolamenti ambjentali stretti jipprojbixxu l-ġbir, trasport, bejgħ u d-distribuzzjoni tar-rizzi tal-baħar, fejn min jikser il-liġi se jiffaċċja multi li jvarjaw minn €500 sa €5,000 fuq l-ewwel ksur, b’pieni ogħla għal reati ripetuti.
Matul dawn l-aħħar sentejn, tliet individwi ġew immultati total ta’ €1,900 f’multi wara li nstabu ħatja mill-Qrati Maltin. Dawn l-individwi nqabdu mill-Pulizija u l-uffiċjali tal-ERA f’żewġ okkażjonijiet separati f’Żonqor, f’Marsaskala.
Ladarba l-kampjuni jiġu ċċertifikati għal waqt il-proċeduri tal-Qorti, l-ERA tirrilaxxa r-rizzi li nħasdu illegalment minnufih lura fil-baħar, biex b’hekk jiġu żgurat s-sopravivenza u l-protezzjoni tagħhom.
Minbarra l-monitoraġġ tal-ERA, id-Dipartiment għas-Sajd kif ukoll id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għandhom il-kompitu li jinfurzaw il-projbizzjoni fuq il-ġbir illegali.
//= $special ?>