Lokali Qorti

Il-Qorti taċċerta li l-‘prima facie’ kien validu f’każ ta’ żewġt irġiel li kienu marru l-ħabs fuq serq

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet aggravju mressaq minn Ramsey Farrugia, wara li kkonstatat li l-argument tiegħu dwar in-nuqqas ta’ digriet prima facie (biżżejjed provi biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża) fl-atti proċesswali kien wieħed infondat.

Juanito Jimenez kien ntbagħat sitt snin ħabs u Ramsey Farrugia tliet snin ħabs meta nstabu ħatja li serqu safe li kellu flus u ġojjelli b’valur ta’ €53,000. Fil-każ inkwistjoni, Farrugia sostna li ma kienx hemm digriet prima facie validu fl-atti li jwassal għal Att ta’ Akkuża fil-konfront tiegħu.

Madankollu, il-Qorti osservat li dan mhux biss mhux minnu, iżda li l-istess atti jinkludu espliċitament id-deċiżjoni mill-Qorti Istruttorja li jeżistu raġunijiet biżżejjed sabiex l-imputat jitqiegħed taħt Att ta’ Akkuża. Barra minn hekk, l-istess digriet jinkludi wkoll ordni biex l-imputat jitressaq quddiem il-Qorti Kriminali.

Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-pretensjoni tal-appellant ma kellha l-ebda bażi u “ma twassal assolutament għal imkien.” B’hekk, it-talba kienet miċħuda b’mod kategoriku. Il-Qorti għaldaqstant iddeċidiet li ċċaħħad dan l-aggravju, u b’hekk affermat il-validità tal-proċedura li wasslet għall-att ta’ akkuża kontra Farrugia.

Dan huwa każ ta’ serqa li kienet seħħet fid-dawl tax-xemx f’temp ta’ sitt minuti, f’Lulju, 2020, fis-Swieqi. Mill-provi ħareġ li s-serqa seħħet minn dar li kienet mikrija lill-koppja barranija. Il-koppja kienet ilha jumejn tinnota vann fit-triq tagħha, b’żewġt irġiel fih.

Għajnejhom għokrithom minnu u għalhekk ħadulu ritratt. Ġurnata minnhom, il-koppja ħarġet tixtri u meta marret id-dar sabet ix-xatba miftuħa u l-bieb tan-naħa tal-pool miftuħ. Il-koppja għarfet lis-sid id-dar u min-naħa tiegħu ċempel lill-Pulizija.

Mill-investigazzjoni irriżulta li kien insteraq is-safe li kien moħbi fi gwardarobba. Fost l-affarijiet li kien fih, kien hemm, ċrieket, ċertifikat taż-żwieġ, arloġġi, imsielet, passaporti tal-koppja, ċertifikat tat-twelid tat-tifla u ritratti.

Ġara, li meta l-akkużati marru biex ibigħu żewġt iċrieket, wieħed ta’ valur ta’ €17,000 u l-ieħor ta’ €1,200, sid il-ħanut induna li dawn kienu tal-koppja għax kienu nxtraw ftit jiem qabel. Dan informa lill-koppja li xi ħadd mar ibigħ dawn iċ-ċrieket.

Għaldaqstant, il-Pulizija, marret għand tal-ħanut u ġabbret il-filmati. Analizzat in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vann u ħareġ li dan kien irreġistrat f’isem Juanito. Fix-xhieda tiegħu, sid id-dar xehed li bejn is-safe u l-ħsara li saret kien hemm mal-€500 spejjeż.

Is-sentenza kienet ingħatat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li kienet qalet li Jimenez għandu fedina penali mżewqa u anke Farrugia għandu fedina penali mtappna. Fuq il-provi li nstemgħu, hija sabithom ħatja ta’ serq u lil Jimenez bagħtitu sitt snin ħabs u lil Ramsey tliet snin ħabs. Jimenez kien mixli b’sitt akkużi oħra iżda ma nstabx ħati għalihom. Huma kienu ġew ordnati jħallsu f’€2,200 fi spejjeż tal-Qorti.