Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Doreen Clarke, ċaħdet it-talba tal-Kummissarju tal-Films Johan Grech biex twaqqaf kawża mressqa minn kumpanija tal-produzzjoni tal-films, Maximus Distribution Limited, relatata ma’ rebate ta’ €1.2 miljun taħt l-iskema tal-inċentivi għall-films.
Il-Qorti ddeċidiet li l-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur biex issir kawża ma jibdiex meta l-applikant jibda jissuspetta rifjut, imma meta jkun infurmat b’mod ċar u mhux ambigwu li t-talba ġiet rifjutata. Maximus Distribution Limited kienet applikat għall-iskema ta’ rebate ta’ 25% fuq spejjeż ta’ produzzjoni għal film jismu “Descending into the Unknown”.
F’Ottubru 2017, il-kumpanija rċeviet approvazzjoni proviżorja. Wara li ressqet id-dokumenti tan-nefqa finali f’Awwissu 2018, il-Kummissarju talab aktar ċarezza u kkummissjona verifika esterna li allegatament sabet dikjarazzjonijiet eċċessivi u abbuż potenzjali.
Minkejja s-segwitu kontinwu tal-kumpanija, ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni, u sussegwentement Maximus ġiet infurmata li tinsab “fil-lista s-sewda” flimkien ma’ kumpaniji oħra marbuta mal-kumpanija Russa U-Film.
Il-kumpanija rċeviet approvazzjoni proviżorja f’Ottubru tal-2017 iżda tħalliet fil-limbu wara li ssottomettiet id-dokumenti tan-nefqa finali f’Awwissu tal-2018.
Fi Frar 2020, Maximus ressqet protest ġudizzjarju, u wara, applikazzjoni taħt ġurament, fejn allegat dewmien inġust u ksur tal-prinċipji tal-ġustizzja naturali. Il-Kummissarju tal-Films argumenta li l-kawża għandha tiġi miċħuda skont Artikolu 496A(3) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, li jitolbu li azzjoni kontra deċiżjoni amministrattiva għandha tittieħed fi żmien sitt xhur minn meta l-persuna ssir taf biha.
Il-kumpanija Maximus sostniet li qatt ma kienet infurmata b’mod ċar dwar rifjut, u li l-verifika kienet suspendiet it-terminu biex tittieħed deċiżjoni. Il-Qorti ma laqgħetx l-argument tal-Kummissarju u sostniet li n-nuqqas ta’ deċiżjoni huwa att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat.
Qalet ukoll li l-limitu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri minn Awwissu 2020, meta Maximus saret żgur u formalment taf li l-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda. Il-Qorti ikkritikat il-Kummissarju għall-mod kif falliel jikkomunika, u qalet li entitajiet pubbliċi għandhom jaġixxu b’trasparenza u lealtà, mhux billi japprofittaw mir-riskji jew l-inċertezza tal-applikanti.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-proċess ta’ verifika kien sospiż it-terminu legali għat-teħid ta’ deċiżjoni u ċaħdet l-idea li kien hemm rifjut impliċitu wara ħames xhur.